Lokali

“Bħalma daqq it-trombi ħames snin ilu meta 40 uffiċjal tal-Pulizija tressqu l-Qorti fuq allegat racket ta’ frodi fl-overtime, issa l-Gvern għandu jagħmel apoloġija ma’ dawk li qed jiġu liberati” – Il-PN

Hekk kif l-ewwel erba’ pulizija tat-traffiku ġew illiberati minn kull akkuża, il-Qorti tagħti ċamata lill-Gvern u lill-Avukat Ġenerali talli ħolqu sensazzjoni fil-media meta tressqu dawn il-pulizija, li qed tiġi mtappna r-reputazzjoni tagħhom

Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Minister Darren Carabott, il-PN spjega ħames snin ilu l-Gvern Laburista għamel show meta tressqu 40 uffiċjal tal-Pulizija l-Qorti fuq allegat racket ta’ frodi fl-overtime.

Għaddew ħames snin, u filwaqt li l-ewwel erbgħa minn dawn ġew illiberati mill-Qorti – li tat ċamata lil min ressaqhom – sa issa għadna ma rajna l-ebda apoloġija pubblika fil-konfront ta’ dawk il-pulizija li meta tressqu l-Qorti l-Gvern b’pompa kbira ħa l-opportunità biex iħammeġ u jkisser ir-reputazzjoni tagħhom.

Filwaqt li fil-konfront tal-erba’ uffiċjali tal-Pulizija li ġew liberati mill-akkużi għadha ma saret l-ebda apoloġija, fil-każ tal-kumplament tal-Pulizija – ħames snin wara li tressqu l-Qorti – il-proċeduri għadhom pendenti.  Mhux biss, iżda l-prosekuzzjoni għadha ma ressqitx il-provi kollha li suppost kellha kontrihom. Dan iqajjem suspett kbir dwar in-nuqqasijiet mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija. Ir-reputazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali, u tal-familji tagħhom, għadha mdendla.

Madwar 40 uffiċjal tal-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku kienu tressqu l-Qorti fl-2020 b’rabta ma’ allegat racket ta’ frodi fl-overtime. Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li f’ħames snin il-Gvern ma ħa l-ebda azzjoni biex jissostitwixxi lill-pulizija sospiżi b’rabta ma’ dan il-każ u jara li din it-taqsima jkollha n-numri meħtieġa biex tkun tista’ tibqa’ għaddejja kif suppost bil-ħidma tagħha.

Il-PN jinnota wkoll l-osservazzjoni li għamlet il-Qorti meta wara ħames snin ġew illiberati minn kull akkuża l-ewwel erba’ uffiċjali tal-Korp li kienu tressqu b’rabta ma’ dan il-każ – meta tat ċamata lill-Korp tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali talli użaw din l-opportunità biex joħolqu sensazzjoni fil-media. Dan huwa kelma b’kelma dak li qalet il-Qorti:

“Din il-Qorti temmen b’mod sħiħ li min jikser il-liġi għandu jkun sanzjonat. Madanakollu, il-kawtela meta persuna tigi akkużata u sussegwentament imressqa quddiem il-Qrati, hija xi ħaġa li għandha tingħata importanza u attenzjoni kbira. Dan qed jingħad in vista tal-fatt li hawnhekk qed nittrattaw ma’ individwi li ħajjithom tispiċċa affetwata b’mod drastiku, kemm personalment u anke professjonalment wara li jgħaddu proċeduri kriminali. L-Avukat Ġenerali għandu jara li verament ikun hemm raġuni biex jiġi intavolat appell u mhux jara jekk il-kawża hix waħda li tikkrea sensazzjoni mal-media. Hawnhekk għandna l-libertà tal-bniedem.”

Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni b’saħħitha, jispikka kif bħalma rajna lill-Gvern idoqq it-trombi dwar l-40 uffiċjal tal-Pulizija meta dawn tressqu l-Qorti, ma rajniex l-istess trattament għal dawk li ġew liberati. Dan fi żmien meta pajjiżna tant għandu bżonn it-Taqsima tat-Traffiku tal-Korp tal-Pulizija minħabba s-sitwazzjoni fit-toroq, u aktar minn hekk għandu bżonn jirrestawra l-fiduċja tal-pubbliku fil-membri tal-Korp tal-Pulizija.

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja u jsellem il-ħidma tal-uffiċjali fil-Korp, kif ukoll tal-awtoritajiet tal-infurzar fit-toroq, li – xemx u xita – jipprovdu servizz daqstant importanti lil pajjiżna.