Ekonomija Lokali

Fuq sena, ir-rata tal-għoli tal-ħajja kompliet tiżdied

Konferma oħra li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta hija akbar mill-medja taz-zona Ewro – dan skont l-aktar ċifri riċenti maħruġa mill-NSO.

L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika għadu kemm ippubblika r-rata annwali tal-inflazzjoni, li tinsab fil-livell ta’ 2.4 fil-mija. Minkejja li mix-xahar li għadda r-rata baqgħet fl-istess livell, xorta waħda hija għolja meta kkomparata ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa.

Fiż-żona ewro r-rata annwali tal-għoli tal-ħajja għax-xahar ta’ Lulju kienet ta’ 2.0%, waqt li s-sena l-oħra r-rata kienet dik ta’ 2.6%.

Waqt li fiż-żona Ewro jidher li hemm kontroll fuq ir-rata tal-għoli tal-ħajja, f’Malta l-istorja hija differenti, hekk kif f’Lulju tas-sena l-oħra, is-sena 2024, ir-rata annwali tal-inflazzjoni kif imkejla mill-Indiċi tal-Prezzijiet kienet ta’ 1.4% u f’Lulju ta’ din is-sena qiegħed f’livell ta’ 2.4% – li jfisser żieda ta’ 1%.

Din hija xhieda li tikkonferma kif il-Gvern mhux jirnexxielu jindirizza l-isfida tal-għoli tal-ħajja, b’differenza għal pajjiżi oħra bħall-Italja, Franza, l-Irlanda u l-Ġermanja.

Intant, din l-aħħar statistika tikkonferma wkoll li l-iskema ‘Stabbilità’ li ħoloq il-Gvern ta’ Robert Abela, xorta ma ħallietx l-effett mixtieq. U matul ix-xhur li għaddew, il-Prim Ministru baqa’ ċass quddiem il-kriżi tal-għoli tal-ħajja u ż-żieda tal-prezzijiet.

Il-PN ilu żmien jippreżenta proposti ċari. Iżda dawn ġew kompletament injorati mill-Gvern.