Internazzjonali

Gaza: Aktar ġurnalisti maqtula waqt attakk tal-Iżraeljani fuq sptar

Ħames ġurnalisti ma’ aġenziji tal-aħbarijiet differenti nqatlu waqt l-attakki tal-qawwiet Iżraeljani fuq kumpless ta’ sptar, lejn in-nofsinar ta’ Gaza. L-attakk li sewa l-ħajja ta’ mill-anqas 20 persuna fost numru sostanzjali ta’ midruba.

Kien ikkonfermat li fost il-vittmi hemm cameraman tal-aġenzija Reuters u ġurnalista mal-Associated Press – bl-aħħar rapporti jikkonfermaw ukoll il-qtil ta’ ġurnalista mal-Al Jazeera.

L-attakk inizjali tal-Iżraeljani qered parti mill-Isptar ta’ Nasser – bil-vittmi jiżdiedu waqt attakk ieħor fuq il-kumpless li seħħ proprju waqt li s-servizzi għall-emerġenzi Palestinjani kienu qegħdin jaslu fuq il-post.

Il-militar Iżraeljan, intant, ħareġ stqarrija biex jikkonferma l-attakk speċifiku fuq ‘il-bejtiet tat-terroristi li, fi kliemu, kienu qed jużaw l-isptar bħala bażi’.

L-iżraeljani anki esprimew dispjaċir dwar l-individwi innoċenti li setgħu tilfu ħajjithom intortament filwaqt li enfasizzaw li fl-ebda ħin mhuma qed iqisu lill-ġurnalisti f’Gaza bħala mira leġittima.

L-aħħar qtil tal-ġurnalisti waqt azzjoni militari ta’ Iżrael, fil-fatt, kellu jseħħ proprju ġimagħtejn wara li sitt membri oħra tal-istampa kienu tilfu ħajjithom fost l-attakki diretti fuq l-inħawi viċin l-Isptar ta’ al-Shifa, fil-Belt ta’ Gaza.