It-tmexxija tal-Houthi fil-Jemen ħalfet li tivvendika ruħha ma’ Iżrael wara li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fil-lejl tal-Ħadd, ikkonċentraw numru ta’ attakki fuq il-belt ta’ Sanaa, il-kapitali tal-Jemen.
L-attakki tal-Iżraeljani saru ftit tal-ġranet wara li l-milizji tal-Houthi – alleati tal-Iran u l-grupp Palestinjan Ħamas – sparaw missila partikulari lejn Iżrael. Missila li l-militar Iżraeljan irrefera għaliha bħala ‘l-ewwel cluster bomb sparat mill-Houthi mis-sena 2023’.
Il-missila kienet immirata lejn l-ajruport ta’ Ben Gurion, bl-uffiċjali militari Iżraeljani jitkellmu dwar theddida ġdida minħabba l-kapaċità tal-missila biex tferrex numru ta’ splussivi ma’ diversi zoni.
L-użu tal-cluster bombs, fl-istess ħin, qed jirrappreżenta teknoloġija ġdida li l-Iran qed jipprovdi lill-Houthi.
Sadanittant, l-aħħar attakki tal-Iżraeljani fuq Sanaa ħallew riżultati devastanti, fost rapporti li nqatlu tal-anqas għaxar milizji, b’il fuq minn 100 jisfaw midruba. Dan skont il-Ministeru tas-Saħħa mmexxi mill-Houthi u li hu wkoll ibbażat f’Sanaa.
Il-kelliema għall-militar Iżraeljan qal, wara, li l-ajruplani anki sparaw il-missili lejn il-faċilitajiet tad-dawl ta’ Asar u Hezyaz fil-Jemen.
Dan fost l-istqarrijiet li l-faċilitajiet qed jipprovdu s-servizzi tad-dawl ta’ emerġenza għall-attivitajiet militari tal-Houthi – bl-ajruplani Iżraeljani jattakkaw ukoll sit tal-milizji mhux wisq ‘il bogħod mill-Palazz Presidenzjali.
Ir-residenti f’Sanaa li kellmu lill-istampa qalu li semgħu diversi splużjonijiet viċin ta’ akkademja militari magħluqa waqt li kkonfermaw li l-missili laqtu ‘qrib wisq tal-Palazz inkwistjoni.’
Il-milizji tal-Houthi huma għedewwa kbar ta’ Iżrael u meta ilhom għal dawn l-aħħar 22 xahar jisparaw il-missili u d-drones lejn l-artijiet tal-Iżraeljani. Attakki li fi kliem il-Houthi qed isiru bħala ‘espressjoni ta’ solidarjetà’ mal-Palestinjani fost il-gwerra kontinwa fil-Medda ta’ Gaza bejn l-Armata Iżraeljana u t-terroristi tal-Ħamas.
Sadanittant, il-Houthi, fl-aħħar sigħat, qalu li kienu qed jippreparaw ‘l-attakki ġodda’ fuq Iżrael u li m’għandhomx jieqfu l-impenji militari ‘favur il-Palestinjani ta’ Gaza.
//= $special ?>