Ir-riforma tal-ippjanar trid twassal għal sistema li tkun trasparenti, kontabbli u infurzabbli. Fl-istess waqt trid tkun ekwa kemm għar-residenti kif ukoll għal partijiet terzi. Din ir-riforma trid terġa’ tikseb il-fiduċja pubblika, li tiżgura li d-deċiżjonijet f’dan il-qasam jirrispettaw l-ambjent u l-benesseri tal-komunità.
Sostna dan kollu l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Perit Alan Saliba, hekk kif it-Tnejn filgħodu ppreżenta numru ta’ rakkomandazzjonijiet bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika tal-Gvern dwar ir-riforma tal-Ippjanar.
Dan hekk kif wara l-kritika qawwija li rċieva l-Gvern għall-fatt li Robert Abela u sħabu pprovaw idaħħlu dawn ir-riformi baxx baxx qabel il-pawża Parlamentari tas-sajf – il-Gvern fetaħ konsultazzjoni pubblika għal 4 ġimgħat.
Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu l-Kummissarju spjega li l-permessi tal-iżvilupp għandhom jiġu sospiżi meta l-appelli jkunu għadhom pendenti biex jiġu evitati impatti irriversibbli. Il-proċeduri ta’ appell għandhom ikunu ġusti, konsistenti, u aċċessibbli, b’salvagwardji ċari kontra skadenzi li mhumiex ugwali u perjodi ta’ żmien li mhumiex realistiċi.
Dan filwaqt li saħaq li d-deċiżjonijiet tal-ippjanar għandhom isegwu l-Pjanijiet Lokali u l-Istrateġiji dwar l-Ippjanar, u jiżguraw li l-konsultazzjoni pubblika u l-valutazzjonijiet tekniċi jingħataw piż xieraq u l-attenzjoni li jistħoqqilhom. Li jitwarrbu l-pjanijiet stabbiliti m’għandux jitħalla jsir b’mod arbitrarju. Din tal-aħħar kienet fost l-emendi proposti… proposta li rċeviet baraxx ta’ kritika minn bosta.
Filwaqt li l-Kummissarju spjega li l-infurzar għandu jissaħħaħ partikolarment f’Zoni barra l-Iżvilupp – insista li l-ħlas ta’ multi m’għandhomx jieħdu post l-infurzar xieraq.
Huwa sostna wkoll li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni għandha tieħu taħt idejha r-responsabbiltà għall-perjodi ta’ żmien ta’ kostruzzjoni u validità ta’ permessi fost oħrajn.
Fl-aħħarnett huwa insista li qed tinħass il-ħtieġa ta’ aċċess aktar ta’ informazzjoni, proċeduri ta’ konsultazzjoni ċari u mekkaniżi ta’ appell iżjed ġusti. Dan sabiex tiġi żgurata l-fiduċja fis-sistema.
//= $special ?>