Jumejn wara li l-PN ppreżenta proposti konkreti Abela qal li se jibda eżerċizzju ta’ tibdil leġiżlattiv
Il-Partit Nazzjonalista ilu ġimgħat u xhur jappella lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex iħares is-sigurtà taċ-ċittadini fit-toroq Maltin. Fl-ewwel 8 xhur tas-sena, il-Gżejjer Maltin raw 19-il fatalità fit-toroq; 7 sewwieqa ta’ mutur, 7 oħrajn intlaqtu minn vettura u 5 persuni tilfu ħajjithom waqt li kienu abbord vettura.
Dan apparti d-diversi persuni li spiċċaw isofru ġrieħi gravi, trawmi, u riperkussjonijiet wara inċidenti varji fit-toroq Maltin u Għawdxin – sigurtà li teħtieġ azzjoni soda u imminenti.
Għaldaqstant fil-21 ta’ Awwissu, ix-Shadow Ministers Darren Carabott, Mark Anthony Sammut u Karol Aquilina għan-nom tal-Partit Nazzjonalista ressqu numru ta’ proposti għal tibdil fil-liġi permezz ta’ Private Members Bill fl-ewwel opportunità kif jiftaħ il-Parlament. U prontament jumejn wara, il-Prim Ministru Robert Abela mar jindirizza lill-poplu fuq is-Super One f’intervista mal-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-midja propogandistika Laburista fejn qal li fi ħsiebu jirrevedi il-leġiżlazzjoni b’rabta mas-sigurtà fit-toroq.
Dan ifisser li tal-inqas il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni qajmet u xprunat lill-Gvern biex forsi jistenbaħ. Madanakollu fl-intervent tiegħu l-Prim Minsitru xorta waħda ma offra ebda soluzzjoni ħlief, s’issa, kliem fieragħ.
Il-Partit Nazzjonalista offra soluzzjonijiet konkreti fejn saħaq għal tolleranza zero fejn jidħlu inċidenti taħt l-effett tal-alkoħol u d-droga filwaqt li insista dwar aktar infurzar. Dan jissarraf f’tolleranza zero għal inċidenti taħt l-effett tal-akoħol u d-droga jew għal sewqan bla liċenzja, multi ogħla u reat kriminali speċifiku ta’ qtil jew ikkawżar ta’ ġrieħi gravi minħabba negliġenza serja jew sewqan perikoluż. Liema piena ġġorr minimu ta’ 5 snin priġunerija li tista’ titla’ sa għomor il-ħabs.
Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll investiment f’apparat għal testijiet dwar sewqan taħt l-effett tad-droga u mhux alkoħol biss. Kif ukoll li n-numri fil-Korp tal-Pulizija u l-allokazzjoni ta’ riżorsi aħjar fit-Taqsima tat-Traffiku.
Proposti konkreti, u proposti li jeħtieġu l-attenzjoni imminenti – azzjoni li l-Gvern kellu jieħu xhur ilu u mhux jumejn wara li l-Partit Nazzjonalista propona dawn is-soluzzjonijiet b’insistenza.
//= $special ?>