Il-Vjetnam qed iġarrab l-impatt ta’ wieħed mill-aktar tifuni b’saħħithom għal ħafna snin, bl-elementi joħolqu straġi qalb iz-zoni maġenb il-kosta….Dan meta ma naqsux l-irwiefen u x-xita qawwija minn tmiem ‘il ġimgħa ‘il hawn u fost l-inkwiet li t-tifun – imlaqqam Kajiki – għandu jikkaġuna sensiela ġdida ta’ għargħar u valangi tal-art.
L-awtoritajiet f’diversi zoni u provinċji dikjaraw stat ta’ emerġenza waqt li l-irwiefen laħħqu veloċità ta’ madwar 133 kilometru fis-siegħa…Dan ukoll waqt li l-iskwadri ta’ fejda kienu qed iwieġbu għal diversi sitwazzjonijiet katastrofiċi b’kaġun tal-elementi.
Ma jidhirx li kien hemm il-vittmi b’riżultat ta’ dan il-maltemp rari, għalkemm l-awtoritajiet għad iridu jevalwaw sew l-impatt sħiħ tat-tifun fost ir-rapporti dwar ftit persuni nieqsa.
U għalkemm hemm l-indikazzjonijiet li l-irwiefen jistgħu inaqqsu mill-intensità oriġinali, l-impatt tax-xita kontinwa għandu jkompli jinħass matul il-ġranet li ġejjin, bis-sħab iswed jinfirxu fuq medda ta’ territorju.
F’dawn iċ-ċirkustanzi ma naqsux l-evakwazzjonijiet fuq skala kbira, u meta sal-aħħar sigħat, xejn anqas minn 600,000 kienu ordnati biex jabbandunaw djarhom minħabba l-livell ta’ periklu.
Dan ukoll waqt li eluf ta’ suldati kienu skjerati qalb id-diversi zoni biex jgħinu bl-evakwazzjonijiet .
Il-Vjetnamiti intervistati qalu li qatt ma esperjenzaw tifun fuq skala hekk intensiva – avolja t-Tifun Kajiki kellu jolqot lill-pajjiż anqas minn sena mindu t-Tifun Yagi, l-aktar maltempata qawwija għal 30 sena, kien straxxna lill-Vjetnam minn tarf sa tarf….Fil-fatt, it-Tifun Yagi kien ikkaġuna ħsarat ekwivalenti għal biljuni tal-ewro minbarra li ħalla ‘il fuq minn 1,5 miljuni mingħajr servizzi tad-dawl.
Fl-aħħar sigħat, il-Viċi-Prim Minister Vjetnamit Tran Hong Ha żar lil numru kbir ta’ familji li marru għall-kenn fi skola primarja li qed isservi bħala xelter u li tinsab fl-inħawi ta’ Ha Tinh, viċin il-kosta tal-lvant tal-pajjiż. Dan fost rapporti dwar ‘għargħar kważi storiku’ fir-reġjun partikulari.
Intant, it-Tifjun Kajiki qed javvanza lejn l-ibliet fi-ċentru tal-Vjetnam anki waqt li l-kumplessi tal-iskejjel u bini pubbliċi oħra qed ikunu konvertiti f’xelters temporanji.
Hu minnu li xejn anqas minn 400 komunitajiet f’sitt provinċji tal-Vjetnam jinsabu fuq stat akut ta’ allert minħabba l-possibbiltà ta’ aktar għargħar qawwi u valangi għall-għarrieda.
L-elementi anki ħarbtu l-iskeda tat-titjiriet lejn u mill-Vjetnam, bl-ajruporti fil-provinċji ta’ Thanh Hoa u Quang Binh jingħalqu għal żmien indeterminat…Dan ukoll waqt li l-linji Vietnam Airlines u Vietjet kienu kostretti li jħassru numru sinifikanti ta’ titirjiet.
//= $special ?>