Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod reattiv u kaotiku li bih il-Gvern Laburista qiegħed taparsi jmexxi s-suppost riforma fis-sistema tal-ippjanar. Id-dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Ippjanar Clint Camilleri li se jirtira xi klawsoli mill-abbozzi li diġà ppreżenta fil-Parlament b’għaġla liema bħalha u minngħajr l-ebda konsultazzjoni, hija biss ammissjoni ċara oħra tal-mod arroganti, bla pjan u bla ħsieb li l-Gvern qed jipprova jbiddel il-liġijiet tal-ippjanar.
Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Stanley Zammit u Rebekah Borg xeħtu dawl fuq ir-riforma tal-ippjanar falluta u simbolu tal-inkompetenza tal-Gvern; il-Ministru Clint Camilleri jammetti li għaffiġha.
Wara snin twal ta’ stennija għal riforma, huwa biss issa li l-Ministru Clint Camilleri qed jinduna kemm ħafna affarijiet ma kkunsidrahomx jew ma indunax bihom meta ressaq dawn il-liġijiet. Dan juri biss l-inkompetenza grassa minn naħa tal-Ministru jew inkella li llum qed jagħmel biss dak li jidhirlu konvenjenti. Hi x’inhi r-raġuni, il-pajjiż qed iħallas il-prezz ta’ Gvern li mhux serju u bla pjan.
Dak li l-Gvern Laburista qed jipprova jbigħ bħala “aspirazzjoni” mhi xejn għajr saffokazzjoni tas-sistema tal-ippjanar b’indħil politiku dirett u skont id-deċiżjonijiet ta’ dawk magħżula mill-Gvern stess mingħajr il-proċess serju ta’ studju, konsultazzjoni pubblika u skrutinju Parlamentari.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li taħt pressjoni kontinwa mill-Oppożizzjoni, mill-NGOs u mill-pubbliku, il-Gvern issa beda jċedi. Dan ifisser li l-pressjoni qed taħdem, iżda mhux biżżejjed. Kif digà insistejna, l-abbozzi għandhom jiġu rtirati kompletament u l-proċess irid jibda mill-bidu b’konsultazzjoni serja u viżjoni ċara. Il-ħin u s-snin li ntilfu huma tort ta’ Gvern li ħalla lill-pajjiż jikkrolla taħt il-kaos tal-ippjanar.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li Malta teħtieġ riforma olistika, serja, trasparenti u ġusta tas-sistema tal-ippjanar wara li Gvern Laburista wara l-ieħor ħallew il-qafas tal-ippjanar jikkrolla, żiedu l-ambigwità u d-diskrezzjoni interpretattiva u naqqsu l-prevedibbiltà.
Minflok viżjoni fit-tul fl-interess tal-komunitajiet tagħna, għat-tisħiħ tal-ekonomija, għat-tisbiħ tal-ambjent u għall-preservazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali u storiku tagħna, dak li jrid il-Gvern imur kontra kull prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli, id-dritt fundamentali għal ambjent nadif u b’saħħtu, ta’ ġustizzja u ta’ governanza tajba.
Bħala Oppożizzjoni responsabbli, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jmexxi djalogu miftuħ u konsultazzjoni sinċiera. Qed jipproponi, fost oħrajn, mekkaniżmu strutturat u formali li jġib flimkien l-applikanti, lil min oġġezzjona, lill-Kunsilli Lokali, lill-NGOs u lill-uffiċjali tal-każ biex jispjegaw, jaġġustaw u jiċċaraw il-kunflitti. Dan iqassar iż-żmien tal-proċess tal-applikazzjoni għaliex inaqqas l-inċertezza legali u jikkjarifika minn kmieni interpertazzjonijiet possibilment żbaljati, iżid il-konsistenza, isaħħaħ il-fiduċja fl-Awtorità tal-Ippjanar, itejjeb il-kwalità tal-iżvilupp u jagħti leħen veru liċ-ċittadin.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jieqaf iġib ruħu b’arroganza u inkompetenza, jirtira minnufih l-abbozzi u jibda mill-ġdid b’sistema tal-ippjanar li tħaddan il-prinċipji ta’ ġustizzja, trasparenza u sostenibbiltà u li taħdem għall-ġid ta’ kulħadd.
//= $special ?>