Wara dawn il-kummenti dispreġġjattivi, il-kunsillieri tal-PN jitolbu li jirriżenja, jew jiġi mġiegħel jirriżenja, waqt li jagħmel apoloġija
Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għad-dikjarazzjoni insensittiva li għamel il-Viċi Sindku Laburista tal-Imqabba Jonathan Dingli li fiha allega li l-mara tħobb tissawwat.
Dan meta pajjiżna għaddej b’kampanja kontinwa kontra kull tip ta’ vjolenza domestika, speċjalment fil-konfront tal-mara, b’każi li qed nisimgħu bihom kuljum.
Huwa skandaluż li tisma’ kummenti insensittivi u dispreġġjattivi bħal dawn fuq il-mara mingħand persuna li bħala kunsillier suppost jagħmel il-ħila kollha tiegħu biex joħloq ambjent san fost il-familji tagħna u jippromwovi kull sens ta’ rispett lejn min qed ibati minn vjolenza domestika jew kien taħt l-effett tagħha.
Fid-dawl ta’ dan il-każ, il-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista fl-Imqabba Noel Galea u l-kunsillier Owen Sciberras, bħala kunsilliera lokali fi ħdan il-kunsill lokali tal-Imqabba, qed jitolbu lill-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika biex tikkundanna lill-Viċi Sindku tal-Imqabba u filwaqt li titolbu jagħmel apoloġija lin-nisa kollha, titlob ukoll għar-riżenja tiegħu minn Viċi Sindku u minn kunsillier fil-Kunsill Lokali tal-Imqabba. Jekk dan ma jsirx, dan għandu jiġi mitlub jirriżenja mill-Partit Laburista.
Il-kunsillieri tal-PN huma konvinti li s-Sindku Laburista semgħet bil-kummenti tal-Viċi Sindku dwar il-vjolenza fuq il-mara, imma f’każ li mhix infurmata, għaddewlha formalment id-dettalji u talbuha li ssejjaħ laqgħa urġenti biex tiddiskuti din il-materja u x’passi se jittieħdu. Fin-nuqqas ta’ dan, ikun ifisser li qed taċċetta dak li ntqal, anke bħala mara.
//= $special ?>