“Ikolli ngħid mara kont ġej, għax wisq tħobb tissawwat”.
Hija din id-dikjarazzjoni xokkanti li għamel il-Viċi Sindku Laburista tal-Imqabba, Jonathan Dingli – fuq il-midja soċjali.
F’kumment pubbliku li għamel fuq storja tas-Super One dwar il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, Dingli ddikjara li Adrian Delia, “kien ġej mara, għaliex wisq iħobb jissawwat”… dikjarazzjoni li tkexkex u li turi l-insensittività ta’ politiku lejn dawk li huma vittmi ta’ vjolenza domestika.
F’din id-dikjarazzjoni, huwa ddikjara, li mara tieħu pjaċir meta tissawwat, bil-kumment ma jkollu xejn x’jaqsam mas-suġġett li fuqu kien qed jitkellem il-kandidat Adrian Delia.

Dan il-kumment jiġi wara li l-midja tal-Partit Laburista, propju lbieraħ, ippubblikat storja li turi l-Kummissarju tal-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan titkellem dwar il-miżura tal-panic alarms – sistema li ġiet introdotta mill-Gvern fl-aħħar jiem, fejn il-Gvern – wara ħafna mwiet u każijiet ta’ vjolenza domestika f’pajjiżna – qed imexxi r-retorika li fl-aħħar qed jipprova jkun ta’ għajnuna għal dawn il-vittmi.
Iżda, minkejja l-propaganda sabiex juri l-poplu li qed jieħu azzjoni f’dan ir-rigward – il-Viċi Sindku tal-Labour fl-Imqabba, iddikjara li mara tieħu pjaċir tissawwat.
Kumment li jwaqqa’ għal kollox ir-retorika ta’ Gvern li suppost qed joffri l-għajnuna tiegħu għall-vittmi u anke għall-familji tagħhom.
//= $special ?>