minn Adrian Delia
Din kienet ġimgħa intensiva ħafna li bdiet b’attività li għaliha l-pubbliku attenda numeruż f’Santa Luċija u li għalaqna b’attività fost sħabna t-tesserati Għawdxin. Ftit ħsibijiet…
• Importanti ħafna kienet il-preżentazzjoni tan-nomina tiegħi bħala kandidat liċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit. Għamilt dan bl-għajnuna u l-appoġġ ta’ ħafna minnkom li ffirmajtu n-nomina tiegħi.
• Ringrazzjament speċjali jmur lill-ħafna membri parlamentari sħabi li wrew il-fiduċja tagħhom fija billi nnominawni.
• Kienet ukoll il-ġimgħa fejn kelli l-ewwel dibattitu f’atmosfera rilassata mal-ħabib tiegħi Alex Borg. Flimkien ħabbatna l-ideat u konvint li l-eżerċizzju tagħna t-tnejn li nfasslu proposti biex naraw lill-partit tagħna javvanza se jissarraf f’ħafna ġid għall-poplu kollu.
• Xtaqt nieħu l-opportunità biex nistedinkom tattendu għall-attività tiegħi llejla fit-Teatru Grieg f’Ta’ Qali fejn se nkun qiegħed nippreżenta uffiċjalment il-manifest ta’ proposti tiegħi għall-preżent u l-futur tagħna u ta’ wliedna.
Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed niddeċiedu d-direzzjoni li għandu jieħu l-partit tagħna. Bis-saħħa tal-vot tagħkom, tagħtuni iktar saħħa u kuraġġ biex nuża l-esperjenza tiegħi biex flimkien magħkom inwassal lill-Partit Nazzjonalista fejn jixraqlu. Bis-saħħa tagħkom, flimkien, b’esperjenza, bi pjan konkret u fattibbli, NIRBĦU.




Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 25 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>