Jeħtieġ li nattiraw vuċijiet ġodda minn barra l-Partit u minn diversi saffi tas-soċjetà
minn Alex Borg
Fit-tfassil tal-politika tiegħu l-Partit Nazzjonalista jrid ikun aktar qrib tar-realtajiet ta’ soċjetà li qed tinbidel b’rata mgħaġġla ħafna.
Biex dan ikun possibbli l-Partit Nazzjonalista jrid jgħaddi minn proċess li fih irid jisma’, jifhem aktar it-tibdil soċjali u jkun miftuħ aktar għal ideat.
Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn tmexxija li tgħaqqad l-esperjenzi sbieħ tal-passat tagħna mal-enerġija ta’ dawk li llum huma fdati jfasslu l-futur politiku tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista mimli talent, però dan jeħtieġ li jkun użat u koordinat aktar. Jeħtieġ li nattiraw vuċijiet ġodda minn barra l-Partit u minn diversi saffi tas-soċjetà: professjonisti, ħaddiema, intraprendituri, edukaturi, attivisti soċjali – nies li jridu joffru l-ħin, il-ħiliet u l-passjoni tagħhom biex jibnu Malta aħjar.
Il-Partit Nazzjonalista mimli talent, però dan jeħtieġ li jkun użat u koordinat aktar. Jeħtieġ li nattiraw vuċijiet ġodda minn barra l-Partit u minn diversi saffi tas-soċjetà: professjonisti, ħaddiema, intraprendituri, edukaturi, attivisti soċjali – nies li jridu joffru l-ħin, il-ħiliet u l-passjoni tagħhom biex jibnu Malta aħjar.
Dan hu l-Mument… biex il-Partit Nazzjonalista jkun partit li jisma’, jifhem u miftuħ għall-ideat
Il-Partit Nazzjonalista għandu jibda jaħseb, jaġixxi u jaħdem bħala l-Gvern li jmiss, mhux bħala oppożizzjoni li tikkuntenta li tibqa’ teżisti bejn elezzjoni u oħra.
Ir-rebħ jibda ħafna qabel il-jum tal-votazzjoni. Jibda b’viżjoni ċara, mibnija fuq skop u msaħħa bi prinċipji, li tqanqal lin-nies biex jemmnu li l-bidla hija possibbli.
Din mhijiex kwistjoni li nbiddlu l-isem jew l-immaġni tal-passat. Hija kwistjoni li nibnu alleanza għal-futur, alleanza ta’ nies ta’ rieda tajba, minn ġewwa u minn barra l-Partit, magħquda bl-istess għan: li nġeddu lill-pajjiż b’integrità u kuraġġ.
Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun inklużiv u miftuħ, jiġbor professjonisti, ħaddiema, imprendituri, edukaturi u żgħażagħ li jridu jagħtu l-ħin, il-ħiliet u l-ideat tagħhom.
Dan se jkun il-pjan tiegħi biex nerġgħu nibnu, nirristrutturaw u npoġġu lill-Partit Nazzjonalista bħala forza politika kredibbli, moderna u li jkollha l-iskop li nimxu:
▪ Nagħtu għal Malta u Għawdex tagħna.
▪ Minn reazzjoni għal aġenda ta’ ħaddieħor, għal li nkunu l-vuċi tan-nies, il-Gvern alternattiv ħerqan li jimplimenta l-programm tiegħu.
Il-post naturali tal-Partit Nazzjonalista huwa li jġib il-bidla u jimbotta ‘l quddiem viżjoni ġdida. Irridu jkollna l-kuraġġ nisimgħu, niddeċiedu u nipperswadu.
Mentalità Rebbieħa tfisser li niffukaw fuq il-prijoritajiet veri tan-nies: nerġgħu nibnu l-fiduċja fit-tmexxija politika, inwasslu politika li ttejjeb il-ħajja ta’ kuljum, u nippruvaw li l-alternattiva tagħna mhijiex biss possibbli – iżda aħjar.
Qatt ma konna partit tal-passat biss – konna dejjem maħsuba bħala alleanza tal-futur. Issa wasal iż-żmien li nerġgħu niksbu dak ir-rwol. Irridu nemmnu. Irridu jkollna Mentalità Rebbieħa.


