Ivan Bartolo
Ix-Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli,
il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar
Dawn li flimkien mat-tim tiegħi u mal-Partit Nazzjonalista, għal sentejn sħaħ bnejna viżjoni fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn min hu b’saħħtu u min hu inqas b’saħħtu, bejn min għandu l-ġid u bejn min jinsab f’xifer il-faqar, bejn l-ixxurtjat u dak żvantaġġjat.
Bħala Deputat mill-Oppożizzjoni, għamilt ħilti kollha sabiex nindirizzaw bl-aħjar mod l-isfidi attwali, speċjaliment fil-politika soċjali li jmiss magħha kulħadd.
Matul dawn is-sentejn, organizzajna ruħna sew, fejn fiżikament iltqajna ma’ nies li għaddejjin minn sfidi soċjali. Ma żammejniex l-istorja għalina, imma morna għand il-professjonisti biex niddiskutu soluzzjonijiet. U hawn rajt il-qalb kbira ta’ dawk il-professjonisti li ipparteċipaw f’dan il-proġett.
Ħolma ta’ ġid għal għajrna
Apparti li għandhom għal qalbhom il-professjoni tagħhom, ħassejt li l-ħolma tal-ġid komuni jridu, flimkien miegħi, jagħmluha kelma.
Matul dawn is-sentejn iltqajna ma’ diversi sfidi soċjali, fosthom ma’ student li moħħu jagħtih, imma biex jgħin lil familja, (u ma jibqax ta’ piż finanzjarju), ma kompliex bl-istudji tiegħu, u għażel li jimraħ fid-dinja tax-xogħol. Iltqajna wkoll ma’ bosta żagħżagħ li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom.
Imma kif? L-iskemi u l-għajnuniet eżistenti huma biżżejjed? Sibna li biex ‘forsi’ tibqa’ għaddej, trid tabbanduna l-familja u ’l dawk li tħobb, trid tinsa l-kwalità tal-ħajja u taħdem għal aktar minn job wieħed minn tlugħ ix-xemx sa nżulha.
Iltqajna wkoll ma’ bosta bnedmin li jħossuhom weħidhom, ma’ bnedmin li għaddejjin minn konfużjoni sħiħa, ma’ bnedmin li jixtiequ jitkellmu, imma donnu ħadd m’għandu ħin għal ħadd. Mhux biss. Imma jekk tagħżel li trid titkellem ma’ persuna professjonali, għal siegħa waħda biss, (u bl-arloġġ itektek int u titkellem) trid tħallas €65. Imbagħad jirreferuk għand kollega tagħhom, biex terġa’ toħroġ €65 oħra! Trid tħallas biex xi ħadd jisimgħek.
U min se jbati l-aktar? U jekk ma tiflaħx tħallas, trid tistenna sakemm imissek, fuq lista twila ta’ istituzzjonijiet governattivi. U hawn ma nistax ma nuriex solidarjetà ma’ dawn il-ħaddiema li l-case load tagħhom mhuwiex faċli. Sitwazzjonijiet ta’ m’għandekx fuq min iddur. L-agħar hi sensazzjoni li bniedem jista’ jgħaddi minnha.
Bosta abbandunati jew waħidhom
U din is-sitwazzjoni ma ddurx biss fuq l-abbandunat, fuq min iħossu waħdu, fuq dak li jixtieq jaħrab minn din id-dinja. Hemm oħrajn li kontinwament jokorbu b’diversi modi. Donnu l-ambjent tossiku u ta’ dieqa ma jistgħux jaħarbuh.
Ħloqna ħabs fil-beraħ, fuq il-mezzi tal-midja soċjali, saħansitra fi gruppi u komunitajiet li l-iskop tagħhom huwa l-komunjoni. Tlifna dan is-sens ta’ komunjoni, tlifna s-sens ta’ familja. Illum bosta jmutu weħidhom. Anki jekk ġar tiegħek, tisma’ li miet xahrejn wara. Sakemm ma żżurx iċ-ċimiterju u tara ritratt tiegħu jew tagħha. Iltqajna wkoll ma’ tfal weħidhom, b’iljieli fiċ-child care centres, bla ma tagħti tort lil ġenituri, biex ilaħħqu mal-commitments.
Tkellimna wkoll ma’ bnedmin maħkuma minn uġigħ, bnedmin morda kemm fiżikament jew mentalment li jridu jistennew ix-xhur u anki s-snin biex ikellimhom il-konsulent. Biex tinqeda fl-immedjat, ikollok tmur għand il-privat. U l-bniedem bi dħul baxx, jew dħul ta’ xejn, jista jagħmlu dan? Mela l-messaġġ sottili li qed jingħatalna ‘li bla flus la tgħannaq u lanqas tbus’. Biex tgħix ħajja ta’ kwalità bla uġigħ, trid tħallas. U min m’għandux mezzi, x’ser jagħmel? Dan hu l-valur tal-ħajja?
Rajna wkoll u ltqajna f’din il-mixja ma’ ġenituri mhedda f’darhom u mwerwrin biex jagħtu l-flus lil binhom/binthom li għaddejjin minn sfida ta’ vizzju.
Minħabba sitwazzjonijiet u biżgħat kollox jibqa’ mistur bejn erba’ ħitan. Iltqajna wkoll ma’ persuni b’diżabbiltà li qed ifittxu li jkunu inklużi fis-soċjetà, li qed ifittxu li ssir ġustizzja magħhom., imma kważi kważi, ma jħossux l-attenzjoni meħtieġa. Jeżistu biss, għax hawn il-wisa’.
Iltqajna wkoll ma’ żgħażagħ b’nuqqas ta’ ħiliet. Jibagħtu ma nafx kemm il-CV, imma ħadd ma jkellimhom. Dawn huma wlied ta’ ġenituri li jiġru minn foodbank għall-ieħor biex ikomplu għaddejjin b’ħajjithom. U hawn iffukajna fuq iċ-ċiklu li ma nqeridtx. Nemmen li dan mhux impossibbli.
Fost oħrajn nirringrazzja lill-Konsulent Politiku George Vital Zammit, lill-Konsulent Editorjali Laurence Grech, Lill-Konsulent Akkademiku George Cassar, lill-koordinatur tal-proġett Lino Attard Fava u fuq kollox lill-Editur Marie Denise Ellul Sullivan li flimkien ma’ oħrajn ħloqna politika soċjali ffukata, fejn l-aspirazzjonijiet tagħna nixtiequ nagħmluhom realtà.
Magħhom hemm oħrajn li għenuna nippreżentaw antoloġija b’Malti jew b’Ingliż tajjeb, li minkejja l-livell akkademiku, xorta tibqa’ riċerka li tista’ tinqara u tinftiehem minn kulħadd.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 24 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>