Wara li l-ġimgħa l-oħra ktibt dwar id-differenza li għandna nagħmlu bejn “libertà” u “ħelsien”, illum nixtieq niffoka aktar fuq din il-kelma tal-aħħar
minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
- Jifhem li l-politika għandha r-regoli tagħha u li jekk wieħed irid iwettaqha sewwa, allura jrid jibqa’ marbut mar-realtà.
Illum hemm iktar il-politika tal-immaġini, tal-apparenzi u tal-paraventi. Imma din ma ddumx trieġi l-eventi tal-ġurnata. Il-politika trid għeruq sodi u preparazzjoni formattiva biex dak li tkun beħsiebek twettaq ikun ta’ ġid għall-bnedmin li inti tirrappreżenta. - Dmirijiet
Mill-esperjenza li għaddietli l-politika nemmen dejjem iktar li hemm numru ta’ dmirijiet fundamentali li l-politiku jrid iwettaq.
F’dawn, ċertament dak tal-formazzjoni informattiva u kulturali kontinwa tiegħu. Dak li jidħol għall-politika u jaħseb li m’għandux bżonn jaqra u jarma ruħu intellettwalment ikun qed jiżbalja.
Jista’ jkollok diversi kwalitajiet bħas-simpatija, il-preżenza, il-kariżma, imma dawn m’għandhom l-ebda sustanza jekk ma tkunx iffurmat.
Iffurmat mhux biss fil-passat, imma fit-triq kontinwa ’l quddiem biex tifhem dak li għaddej u fejn tista’ tmur. F’ħafna, id-doża qawwija ta’ umiltà li trid iżżomm fuqek u ġewwa fik f’kull ma twettaq. - Mhux l-istess
Kif nafu, mhux kull poplu huwa bħal ieħor. Jista’ jkollu tixbihat, imma fihom issib il-konfront ta’ dak li japplika jew le għas-soċjetà li taħdem għaliha.
Trid tħares madwarek u tieħu wkoll minn dak li ġarrbu oħrajn. Mhux kollox f’daqqa, imma f’dak li fuq naħa twettaq is-sewwa u fuq in-naħa l-oħra dak li taħrab dak li mhuwiex hekk. Lezzjonijiet u eżempji huma determinanti minn kif iġibu, jew kif ġiebu ruħhom f’dan politiċi oħra qabilna.
Il-punt li wieħed bilfors jislet u bilfors jara li l-poplu jippretendi huwa dak li jibqa’ marbut mas-serjetà fil-ħidma tiegħu. - Infakkru
Fid-19 ta’ Awwissu tal-1954 kien ġie nieqes il-politiku Demokristjan Taljan Alcide de Gasperi. Bniedem straordinarju fil-ħidma li huwa wettaq għal pajjiżu.
Fis-serjetà li kellu u fl-abbiltà li bena mill-esperjenza li ġarrab mexxa sabiex mit-tifrik u l-miżerja li l-Faxxiżmu ħallih fih seta’ jibni mill-ġdid.
Kien serju u baqa’ dawl iktar illum għal dawk li jridu jwettqu sewwa dmirijiethom. Tul il-ġimgħa, diversi minn partiti politiċi varji fl-Ewropa sellmu l-memorja tiegħu.
Fakkru l-kwalitajiet uniċi tiegħu. Faħħru l-abbiltajiet li kellu biex iġib lill-bnedmin jaħdmu f’daqqa. Fissru kemm kien ikun preċiż fl-għarfien ta’ dak li kien hemm bżonn biex wieħed iservi tajjeb u b’dinjità lil bnedmin oħra. - Dritt
F’dan, mas-serjetà tingħaqad ir-rettitudni fl-ideat u fil-komportament uman. Min jidħol fil-politika mingħajr m’għandu proġetti ċari u ideoloġiji kostanti jispiċċa biex ma jibqax dritt. Jiġi mmexxi min-naħa jew oħra. Filgħodu jiddikjara ħaġa u filgħaxija jiddikjara oħra.
Ikun aħjar għall-bniedem li ma jitkellimx milli jħawwad lilu nnifsu u lil dawk li jsegwuh b’ideat kontradittorji.
Il-poplu jippretendi koerenza politika ċara, u f’dan għax hemm l-għarfien politiku ta’ dak li huwa sewwa u dak li mhuwiex.
Iż-żmien ibaskat lill-bniedem, u dan għax jirnexxilu jgħallmu. Altru barra mill-politika, u altru fiha.
Għax din il-ħidma hija sfida fiha nfisha. Tingħaqad ma’ dawk li jiddeċiedi l-elettorat biex fil-kwalitajiet li għandhom tagħraf sa fejn tista’ tasal biex tibdel. - Ġustizzja Soċjali
Is-serjetà politika titlob li tkun kontinwament determinat li twettaq atti siewja permezz tal-ġustizzja soċjali. Kif tassigura li min huwa minn taħt tgħinu jgħix ħajja iktar dinjituża.
Tassiguralu eżistenza aqwa milli għandu. Mhux billi ċċekken lill-oħrajn imma billi tqassam aħjar, fl-għarfien li l-bnedmin jiġu maħluqa bi skop preċiż. Fejn kull persuna hija importanti u trid tiġi protetta mill-Istat.
Is-serjetà politika tippreparak biex tindirizza lil dawk li huma l-iktar ’l isfel għax tmiss magħhom, u mhux taħrabhom. Għax tieqaf u tifhem li trid taqbeż għalihom u mhux tużahom għal xi ritratt li mbagħad pront pront titfgħu fid-dinja tal-propaganda - Nittama
F’dan nittama li qed nifhmu li aħna issa għandna sfida determinanti quddiemna. Nittama li qed nifhmu li hemm probabbiltà għolja li jkun hemm bidla fil-Gvern.
Nittama li qed nifhmu li rridu nkunu kapaċi nwieġbu għal dawn iċ-ċirkostanzi b’soluzzjonijiet politiċi serji. Nittama li ħadd ma jibqa’ jimmaġina aktar li l-politika ssir meta finalment tkun fis-siġġu tal-poter.
Nittama li nifhmu li biex inkunu soluzzjoni għall-problemi li hawn f’pajjiżna rridu nkunu ppreparati fis-serjetà. Nittama li nifhmu li rridu nħarsu ’l quddiem sew.
F’dan insellem lil kull min japprezza lejn fejn irridu mmorru biex ikun hemm il-bidliet veri u mhux apparenti.
Insellem aktar mill-qalb lil dawk kollha li jifhmu li d-dmir tagħhom hu li jridu jwettqu politika serja.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 24 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>