Sport

Rebħa storika għal Malta fl-ibburdjar

Rebħa storika għal Malta fl-ibburdjar fil-Kampjonati Ewropej SB20, wara li tim BOOST Stella Maris rebħu l-Kampjonati Ewropej ta’ din il-klassi li saru f’Ostende, il-Belġju.

It-tim li kien qed jirrappreżenta lir-Royal Malta Yacht Club u SB20 Malta Association, kien magħmul mill-kaptan Gabriella Mifsud u Anna Basalkina, Mattea Ciantar u Emilie Gregory li taw wirja impressjonanti mifruxa fuq tlettax-il tellieqa.

Il-klassi SB20 hija waħda mill-aktar klassijiet tal-keelboat kompetittivi fix-xemna internazzjonali fejn jikkompetu baħħara professjonali u oħrajn dilettanti. Rinomata għar-regolamenti stretti – one-design, klassi li tagħti importanza lejn il-ħidma bħala tim, it-tattika u l-ħiliet, aktar milli fuq vantaġġi tekniċi.

Il-parteċipazzjoni ta’ BOOST Stella Maris fil-Kampjonat Ewropew sarat wara r-rebħa tagħhom fil-Kampjonat Nazzjonali Malti tal-SB20, fejn huma ddominaw.

It-tim spiċċa fit-13-il post overall, fejn ikkompeta kontra flotta internazzjonali b’saħħitha magħmula minn baħħara ta’ esperjenza kbira fil-klassi SB20. Minkejja bidu diffiċli – huma kisbu t-32 post fl-ewwel tellieqa, it-tim Malti wera reżiljenza kbira. B’determinazzjoni, telgħu fil-klassifika fejn spiċċaw fil-ħames post fl-aħħar tellieqa.

Ta’ min jinnota li kien hemm ukoll il-kundizzjonijiet diffiċli li kienu ferm differenti minn dawk li huma familjari magħhom f’Malta.  It-tlielaq rawhom  jaffrontaw mewġ ta’ madwar 1.3 metri, u mbatt mill-Atlantiku, kurrenti qawwija, u riħ medju.

Relattivament ġodda fil-klassi SB20, it-tim għandu esperjenza vasta fl-ibburdjar, inkluż esperjenza fir-Rolex Middle Sea Race. Dan ir-riżultat, l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip għal tim Malti tal-SB20, jirrifletti l-esperjenza fl-ibburdjar f’Malta u d-determinazzjoni tal-atleti nisa, u jsaħħaħ l-isem ta’Malta fost in-nazzjonijiet Ewropej kompetittivi f’dan l-isport.