Lokali Qorti

Biżżejjed provi biex Francine Farrugia titpoġġa taħt att ta’ akkuża: Konferma li s-sistema ta’ awditjar fl-MCAST hi waħda difettuża

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex Francine Farrugia, eks kunsillera fis-Siġġiewi, titqiegħed taħt att ta’ akkuża b’rabta mal-każ ta’ frodi fil-konfront tal-MCAST.

Dan ġie deċiż wara t-tieni smigħ fil-kumpilazzjoni fejn Farrugia qed tiġi akkużata wkoll b’ħasil ta’ flus, miżapproprjazzjoni u abbuż minn sistemi kompjuterizzati, allegatament b’rabta ma’ serq ta’ aktar minn €2.3 miljun mill-istitut edukattiv.

Farrugia, Maniġer fis-sezzjoni tas-salarji tal-MCAST, bħalissa tinsab sospiża mill-impjieg tagħha. Il-ġimgħa l-oħra hi ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €50,000 u garanzija personali ta’ €25,000 u li tiffirma l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi kuljum bejn it-8am u l-4pm fost ordnijiet oħra.    

Madankollu Farrugia għadha miżmuma taħt arrest peress li għadha ma ħallsitx id-depożitu mitlub, bl-Avukat Peter Fenech jitlob lill-Qorti biex ivarja l-ammont tad-depożitu. Fil-fatt għas-seduta tat-Tlieta, Farrugia kienet eskortata l-Qorti minn gwardjana tal-ħabs. Il-Qorti se tistenna r-risposta tal-Avukat Ġenerali biex tagħti d-deċiżjoni dwar dan.

“Free for all”

L-unika xhud it-Tlieta kienet Valerie Attard, Direttur fir-Riżorsi Umani. Dwar l-akkużata hi qalet li Farrugua daħlet taħdem l-MCAST fl-1 ta’ Diċembru 2019 u li kienet tieħu ħsieb il-pagi.

Għal diversi mistoqsijiet li għamel l-Avukat Fenech qal li jidher li fl-MCAST is-sistema hija waħda ta’ “free for all’. Huwa lanqas ma seta’ jifhem kif filwaqt li s-CFO Marita Brincat kienet qalet fl-ewwel seduta li l-medja tas-salarji fix-xahar hija ta’ €1.7 fix-xahar, ix-xhud Attard illum qed tgħid li s-salarju medju kien ta’ €2.3m.

L-Avukat staqsa kif jista’ jkun li ħadd ma’ nduna b’dawn id-diskrepanzi kollha. Fuq mistoqsija tal-Avukat Fenech, Attard qalet li ħadd ma qalilha xejn u lanqas inbidel xi ħaġa meta l-Uffiċċju tal-Awditur Ġeneral kien ġibed l-attenzjoni dwar il-kontrolli fuq il-payroll tal-MCAST.

Valerie Attard, xehdet dwar kif Farrugia kienet tinstab f’sitwazzjonijiet fejn talbet permess biex tagħmel tibdil fil-pagi anki wara li l-fajl tal-awditjar kien diġà ġie sottomess u rivedut.

Skont ix-xhieda ta’ Attard, il-proċess tax-xogħol ta’ Farrugia kien jinkludi s-sottomissjoni tal-fajl tal-awditjar lill-Kontrollur Finanzjarju sal-aħħar Tnejn ta’ kull xahar, fid-9 ta’ filgħodu. Dan il-fajl kellu jiġi awditjat u approvat qabel ma Farrugia tgħaddi l-fajl tal-pagi (magħruf bħala bank file) biex jitħaddem il-ħlas mal-banek sal-ġurnata tal-Erbgħa.

Madanakollu, Attard spjegat li f’diversi każijiet, Farrugia talbet tagħmel tibdil wara li l-fajl tal-awditjar kien diġà approvat. Dawn it-tibdil kienu jinkludu temi bħalma huma l-irtirar ta’ impjegati, aġġustamenti ta’ probation, jew reviżjonijiet f’allowances.

Attard semmiet każ fejn Farrugia bagħtet email lill-Kontrollur Finanzjarju tgħidlu li kienet għadha qed tistenna informazzjoni biex tiżdied mal-fajl tal-awditjar, anki jekk dan kien diġà sottomess. Hi qalet li wara s-sottomissjoni tal-fajl tal-awditjar, ma kellhiex aktar informazzjoni dwar tibdil li seta’ sar. Xi allowances kienu jintbagħtu direttament lill-Kontrollur Finanzjarju biex jitħaddmu.

Barra minn hekk, hija spjegat li wara li jsiru l-ħlasijiet mill-bank, kien isir proċess ta’ rikonċiljazzjoni fejn rapport mid-Dakar Payroll System kien jiġi trasferit f’Excel biex jiġu verifikati l-allowances qabel u wara t-taxxa. Dan kien isir minn Anita Muscat, li kienet tiċċekkja kull item ta’ payslip kontra r-rekords tal-FS5. Skont Attard, f’dan il-proċess qatt ma ġew irrappurtati irregolaritajiet.

Attard ikkonfermat ukoll li Farrugia kienet spiss iddum u pprokrasinat is-sottomissjoni tal-fajls meħtieġa. Il-Kap Finanzjarju kien jilmenta kontinwament li Farrugia ma kinitx qed tilħaq l-iskadenzi stretti ta’ kull xahar, u dan kien joħloq pressjoni kbira, billi l-Kontrollur Finanzjarju kellu biss ġurnata waħda biex jirrevedi l-fajl.

Għalkemm ma kien hemm l-ebda kwistjoni ta’ kwalità tal-fajls, id-dewmien kien problema ripetuta. Madankollu, taħt kontroeżami mill-avukat tad-difiża Peter Fenech, Attard ammettiet li kienet bagħtet biss email waħda uffiċjali lil Farrugia dwar id-dewmien.

Fuq mistoqsijiet tal-avukat parte civile Stefano Filletti, Attard ikkonfermat li Farrugia kellha wkoll aċċess biex tbiddel id-dettalji tal-IBAN ta’ impjegati. Barra minn hekk, ġie kkonfermat li dak li jidħol u jitneħħa mill-paga kien f’idejn il-maniġers tal-pagi u li payslip li jitħassar mid-Dakar Payroll System ma jibqax jidher fis-sistema, li jfisser li dokumenti bħal dawn jistgħu jiġu eliminati mingħajr traċċa.

Il-Qorti semgħet ukoll li Farrugia kellha rwoli oħra barra mid-dmirijiet tagħha normali. Hija kienet tokkupa post f’kumitat tal-MCAST li jiddiskuti allowances ta’ riżorsi akkademiċi u kienet tagħmel xogħol ta’ ‘lecturer’ part-time wara l-ħinijiet tax-xogħol.

Fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni mix-xhieda rriżulta li s-sistema ta’ awditjar ma kenitx effiċjenti fil-kulleġġ, l-iktar fejn jidħlu s-salarji tal-ħaddiema. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li Farrugia ttrasferiet €1.9 miljun fil-kont tagħha ta’ Revolut, filwaqt li €442,000 oħra spiċċaw f’kontijiet bankarji lokali. Il-Pulizija sabu wkoll li b’dawn il-flus Farrugia xtrat propjetajiet, vetturi, u nefqet €113,000 fi ħwejjeġ minn Harrods ta’ Londra.

Skont l-investigazzjonijiet, Farrugia sfruttat l-aċċess tagħha għas-sistema interna tal-pagi bejn l-2023 u l-2025 biex toħroġ ħlasijiet duplikati favuriha nnifisha. L-ammont totali allegatament misruq jilħaq €2,337,258.80, b’aktar minn €1.9 miljun li ġew trasferiti direttament fil-kont Revolut tagħha, u somom oħrajn – fosthom trasferiment ta’ €200,000 – li tħallsu lil nutar.

Farrugia qed tiġi rappreżentata mill-Avukati Peter Fenech u Amy Zahra. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Alessia Schembri u Michael Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur tal-Pulizija Wayne Rodney Borg.

L-Avukati Stefano Filletti u Thea Licari qed jidhru għall-MCAST. Filletti qed jidher ukoll għall-Ministeru tal-Edukazzjoni bħala parte civile fil-każ.  

Il-kumpilazzjoni se tkompli fis-6 ta’ Ottubru fil-10.45pm.