Lokali

DAN HU L-MUMENT

B’rabta mal-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, il-gazzetta il-Mument poġġiet numru ta’ mistoqsijiet lil Alex Borg, wieħed mill-kandidati uffiċjali għal din l-elezzjoni.

Min hu Alex Borg? Aqsam magħna ftit il-background tiegħek.
Avukat ta’ tletin sena minn Għawdex b’passjoni għas-Servizz Pubbliku, il-waterpolo u l-fitness. Bdejt il-karriera legali tiegħi wara li ggradwajt mill-Università ta’ Malta fl-2019, imma qalbi dejjem kienet mal-komunità li naqdi.
Il-vjaġġ politiku tiegħi beda fl-2020 bħala Koordinatur għal Għawdex fil-Kumitat Eżekuttiv tal-MŻPN, u kompla bl-elezzjoni tiegħi fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista fl-2021.
Fl-2022 ikkontestajt l-ewwel elezzjoni ġenerali tiegħi u ksibt 6,108 voti ta’ preferenza ewlenija, messaġġ ċar ta’ fiduċja mill-poplu Għawdxi.
Is-Servizz Pubbliku huwa għal qalbi. Missieri, Tony Borg, kien is-Sindku tal-Fontana u Kap tas-Segretarjat tal-Ministru Giovanna Debono. L-eżempju tiegħu sawwar il-valuri tiegħi, u l-battalja twila tiegħu mal-kanċer għallmitni s-saħħa tal-karattru, l-empatija u l-importanza li nisma’.
Matul il-kampanja, ħabbatt il-bibien ta’ eluf ta’ familji, dħalt f’darhom u smajt. Dik l-esperjenza kkonfermatli dak li nemmen fih l-iktar: in-nies iridu lil min jismagħhom. Dak hu t-tip ta’ tmexxija li rrid nirrappreżenta.

Għaliex ħassejt li kellek twieġeb għal din is-sejħa? Fejn trid tasal?
Ma ħadtx pass ’il quddiem għalxejn. Ħadt dan il-pass għax il-pajjiż qed isejjaħli, u jien smajt dik is-sejħa b’mod ċar u qawwi. In-nies iridu tmexxija b’viżjoni, integrità u kuraġġ. Xebgħu b’politika li tħalli kollox kif kien. Iridu alleanza li tibni l-futur.
Dan huwa l-mument li jiddetermina kollox.
Malta ma tiflaħx tkompli titbandal. Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ wieqaf. Hemm bżonn ta’ bidla qawwija, mibnija fuq tmexxija etika, kapaċi u ffukata fuq il-ġejjieni.
Fejn irrid nasal? Irrid inwassal lill-Partit Nazzjonalista għal għada. Irrid li nsiru alternattiva vera li tispira l-innovazzjoni, tirriforma l-edukazzjoni, ittejjeb is-servizzi tas-saħħa u tirbaħ lura l-fiduċja tal-poplu. Dan ma jfissirx li rrid inkun xi eroj imma li rrid nibni tim b’saħħtu li jwassal għal bidla vera u li tibqa’.

Kellimni ftit dwar il-motto tiegħek għal din il-kampanja u għaliex?
Il-messaġġ tal-kampanja tiegħi huwa “Dan hu l-Mument – Time Is Now”. Dan mhuwiex slogan imma sejħa għall-azzjoni.
Qegħdin f’salib it-toroq. Malta ma tiflaħx tħalli kollox għal għada. L-isfidi huma reali – pressjoni ekonomika, dinja li qed tinbidel, u diżillużjoni li dejjem qed tikber. Irridu naġixxu llum – mhux għada.
“Time Is Now” ifisser urġenza, responsabbiltà u kuraġġ fit-tmexxija. Ifisser li wasal iż-żmien li nbiddlu l-kliem f’azzjoni, id-drawwiet qodma f’viżjoni ġdida.
Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun modern, kuraġġuż u mibni fuq il-valuri. U dan irid jibda issa.

X’inhu t-twemmin politiku tiegħek?
Nemmen f’politika moderna, mibnija fuq valuri, u ispirata mill-prinċipji Demokristjani, l-istess prinċipji li għamlu lill-Partit Nazzjonalista bħala l-Partit li saħħaħ il-progress demokratiku ta’ pajjiżna.
Din hija politika li trid iġġib lura l-valuri tad-dinjità, ir-responsabbiltà, il-ġustizzja u s-sens ta’ komunità fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu. Il-pedament politiku tiegħi huwa u jibqa’ l-persuna – irrid inkun qrib iż-żgħażagħ, insostni lill-familji, insaħħaħ il-komunitajiet u mmexxi b’integrità.
Nemmen fid-deċentralizzazzjoni, fit-tmexxija li tisma’, u f’ekonomija li tippremja l-innovazzjoni waqt li tipproteġi lil min hu vulnerabbli.
Din mhix politika ta’ nostalġija, imma tmexxija ta’ tiġdid li tirrifletti min aħna u fejn irridu naslu.

Skont inti x’inhu l-x-ray tal-Partit Nazzjonalista llum?
Il-verità? Il-Partit Nazzjonalista hu mgħobbi bi strutturi skaduti u piż finanzjarju. Ilna nitbiegħdu minn diskussjonijiet diffiċli, iżda wasal iż-żmien li nħarsu lejn ir-realtà.
Fi żmien mitt jum mill-ewwel jum tiegħi se nippubblika l-kontijiet kollha tal-Partit. Mingħajr spin, mingħajr filtri. Għax ir-riforma tibda bil-verità, u l-kredibbiltà tibda bit-trasparenza.
Se nirristrutturaw u nerġgħu ninvestu f’dak li jmexxina ’l quddiem. Il-Partit Nazzjonalista jrid isir modern u ispirat minn viżjoni.

Nistaqsik dwar il-viżjoni/it-triq ’il quddiem tiegħek għall-Partit Nazzjonalista? Lil fejn trid tieħu lil dan il-Partit?
Il-viżjoni tiegħi hija li nibdel lill-Partit Nazzjonalista f’alleanza mmexxija minn għanijiet ċari u ffukata fuq il-futur, alleanza kuraġġuża biżżejjed biex tnissel tiġdid nazzjonali.
Fiċ-ċentru hemm l-alleanza, proġett politiku li jgħaqqad nies kapaċi, etiċi u kuraġġużi, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-partit, magħquda bix-xewqa li jibnu Malta aħjar.
Dan mhux dwar li npinġu ideat antiki b’kuluri ġodda. Huwa dwar li niftħu lill-Partit Nazzjonalista, nilqgħu l-innovazzjoni u nirnexxu fl-edukazzjoni, il-governanza nadifa, is-sostenibbiltà u t-trasformazzjoni diġitali.
Fejn irrid inwassal lill-Partit? Mill-Oppożizzjoni għall-opportunità. Minn stat ta’ sopravivenza għat-tmexxija. Mill-politika tal-bieraħ għall-alleanza ta’ għada.

Kapaċi tagħmel mill-Partit Nazzjonalista mill-ġdid partit rebbieħ? Kif? X’hemm bżonn li jsir?

Iva, u mhux biss għax nemminha, imma għax għamilt dan.
F’kull elezzjoni li kkontestajt, irbaħt kontra l-Labour – mill-elezzjoni ġenerali tal-2022 sal-maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex fl-elezzjonijiet lokali u tal-Parlament Ewropew tal-2024. Din hi l-mentalità rebbieħa li nġib miegħi.
Imma r-rebħa mhix biss numru ta’ voti. Hi dwar li nibnu partit miftuħ, dinamiku u inklussiv. Se nġibu esperti, nilqgħu ideat friski, u nitkellmu direttament mas-70,000 persuna u iktar li tilfu l-fiduċja fiż-żewġ partiti.
Ma nirbħux billi nirriċiklaw il-passat. Nirbħu billi noffru xi ħaġa aħjar, kuraġġuża, moderna u kredibbli.

X’inhuma l-inroads prinċipali tiegħek għall-Partit Nazzjonalista? Kif se ttejjeb il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista?
L-ewwel pass huwa t-trasparenza. Fi żmien mitt jum, se nippubblika l-kontijiet kollha tal-PN. Għax il-fiduċja tibda bil-verità.
M’aħniex falluti, imma mwaħħla. Għandna assi ta’ valur li m’aħniex nużawhom b’mod effettiv. Jien se niskatta dan il-valur u ninvesti f’għodod li jmexxuna ’l quddiem.
Diġà daħal fis-seħħ pjan ta’ rkupru finanzjarju. Hemm kumitat tekniku li diġà qiegħed jaħdem, u se jkun hemm ukoll CEO ġdid mhux politiku li se jmexxi l-implimentazzjoni. L-għan tagħna hu wieħed: stabbiltà, sostenibbiltà u r-rieda li nirbħu.

Nitkellmu dwar Dar Ċentrali miftuħa għal kulħadd… nitkellmu dwar il-ħtieġa ta’ spazji ġodda… x’inhuma r-reazzjonijiet tiegħek?

Partit miftuħ mhux moda, imma ħtieġa. U biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir rilevanti, irid ikun miftuħ għal kulħadd, mhux għall-ftit.
Jeħtieġ nibnu koalizzjoni ta’ min irid jagħmel differenza, nies b’kuraġġ, kompetenza u konvinzjoni biex imexxu l-bidla. Din mhix dwar fazzjonijiet, imma dwar inklużjoni. Mhix dwar l-ego, imma dwar is-servizz. Għax hekk dejjem seħħew l-akbar kisbiet f’Malta: flimkien.
Bħala mexxej, mhux se ninħeba wara ħitan. Se nkun preżenti fid-djar, fil-postijiet tax-xogħol u fil-komunitajiet, għax konnessjoni vera tibni fiduċja vera.
Dan huwa l-mument tal-Partit Nazzjonalista biex isir partit għal kulħadd. Il-Mument huwa Issa. U aħna lesti.

X’aġġornamenti tħoss li għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista fid-diversi strutturi tiegħu… Grupp Parlamentari, Kandidati, Fergħat…?
Ma għandniex bżonn bidliet żgħar – għandna bżonn trasformazzjoni.
Se nirriorganizzaw il-Grupp Parlamentari, nerġgħu nintroduċu Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari, u ndaħħlu CEO mhux politiku biex jiffoka fuq il-finanzi u jwassal ir-riżultati.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista m’għandux jgħix il-Pietà. Għandu jkun barra, jisma’, jinvolvi ruħu u jmexxi.
Se nagħżlu kandidati fuq il-bażi tal-kompetenza, l-enerġija u l-viżjoni, mhux fuq il-lealtà. U se nagħtu s-setgħa lill-fergħat u lill-kumitati settorjali biex isiru muturi ta’ impatt lokali.
Din hija bidla sħiħa, mhux kożmetika. Il-Partit Nazzjonalista jew jinbidel jew jispiċċa irrelevanti. Jiena għażilt il-bidla.

Kif tħares lejn il-midja tal-Partit Nazzjonalista… kif taħseb u temmen li din għandha tissaħħaħ?

Il-midja tal-PN trid tkompli tissaħħaħ, tevolvi u tibni fuq dak li tħabbar fl-aħħar riem. Tevolvi b’mod strateġiku. Iridu nkomplu naħdmu fuq ir-riżultati li nkisbu fl-aħħar snin u fl-istess ħin nadattaw għar-realtajiet ta’ kif qed jinbidel dan is-settur illum il-gurnata.
Mill-ewwel ġurnata naħdmu biex ikun hemm strateġija diġitali.
Iridu ntejbu u nibnu fuq dak li jaħdem waqt li naraw kif se nużaw it-teknoloġija biex nilħqu iktar nies.
Waqt li minnu fuq li hemm iridu ninvestu bis-saħħa fil-midja soċjali, live streams, podcasts u kontenut on demand. Tim diġitali ddedikat se jiżgura li l-messaġġ tagħna jilħaq lis-soċjetà kollha.
Din hija dwar li nsaħħu l-vuċi tagħna, mhux li nsikktuha. Il-Partit Nazzjonalista għandu jmexxi d-diskussjoni nazzjonali – u se nagħmlu dan b’ċarezza, rilevanza u b’firxa wiesgħa.

Xi pjani għandek dwar it-twassil tal-messaġġ tal-Partit b’mod effettiv fid-djar, fil-postijiet tax-xogħol, fil-pjazez u fil-postijiet fejn jiffrekwentaw in-nies?

Il-messaġġ tagħna għandu jitwassal wiċċ imb wiċċ, mhux minn headline għal headline.
Għall-ħames snin li ġejjin, se mmexxi kampanja nazzjonali ta’ smigħ, fid-djar, fin-negozji, fil-pjazez u f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex. Mhux biex nidher imma għas-sustanza.
Se nerġgħu nibnu l-fiduċja bil-preżenza, mhux bil-wegħdi. Għax meta n-nies iħossuhom stmati u mismugħa, jerġgħu jibdew jemmnu. Hekk il-Partit Nazzjonalista jsir alleanza vera, billi jiltaqa’ man-nies – huma fejn huma.

Irrispettivament minn meta se tissejjaħ l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, x’se jkunu l-ewwel ħidmiet tiegħek biex l-isfidi li għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista jdawwarhom f’opportunitajiet?

Jekk il-Prim Ministru jsejjaħ elezzjoni bikrija, ikun qed jikkonferma ħaġa waħda – li aktar jinteressah mill-poter milli min-nies. Imma aħna m’aħniex nibżgħu. Aħna lesti.
L-ewwel passi tiegħi? Inbiddel it-tiġdid fi tħejjija biex inkunu lesti għall-elezzjoni. Se nistabbilizzaw il-finanzi tagħna, intejbu l-midja tagħna, u nibnu tim ta’ mexxejja impenjati, kompetenti u b’viżjoni.
Se nerġgħu nikkonnettjaw, bieb bieb, settur b’settur, u nippreżentaw viżjoni b’ħarsa ’l quddiem għal Malta. Kemm jekk l-elezzjoni tkun f’xahrejn jew f’sentejn, aħna nkunu lesti biex immexxu. Il-Mument hu Issa.

Il-Partit Laburista jibqa’ l-avversarju tagħna? Kif tħares lejn il-Partit Laburista?

Iva – il-Partit Laburista jibqa’ l-avversarju politiku tagħna.
Ir-rwol tagħna hu li noffru alternattiva kredibbli u msejsa fuq il-prinċipji.
Il-Labour daħħal uċuħ ġodda, imma s-sustanza baqgħet l-istess. Robert Abela wiret partit mimli korruzzjoni u skandli u wieġeb b’insikurezza minflok b’sens ta’ tmexxija.
Il-każ ta’ Jean Paul Sofia wera min hu tassew Robert Abela – mexxej li għażel is-silenzju flok l-empatija, il-burokrazija flok il-ġustizzja.
M’aħniex biss niġġieldu partit. Qegħdin niġġieldu kultura ta’ arroganza u ta’ politika maqtugħa mill-poplu. U aħna lesti nibdlu dan billi nħaddmu politika mibnija fuq il-verità, il-kuraġġ u tmexxija vera.

Għaliex Alex Borg?

Għax jien mhux hawn biex immexxi l-passat. Jien hawn biex immexxi l-futur.
Inġib enerġija, għan u pjan. Mhux għall-glorja personali jew għall-ego, imma għax nemmen f’dan il-pajjiż, u nemmen li l-Partit Nazzjonalista jista’ jmexxi mill-ġdid.
Nixtieq nibni tim, alleanza ta’ nies imqanqla minn sens ta’ servizz u mhux mill-ego. Ma għandi l-ebda pretensjoni li naf kollox, imma naf minn fejn nibda: nirrestawra l-fiduċja, nispira l-progress u mmexxi b’qalb.
Dan mhux dwari. Dan hu dwar Malta. U jien lest immexxi.

X’inhu l-messaġġ tiegħek lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista?

Kun kuraġġuż. Kun b’saħħtek. Emmen mill-ġdid.
Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’mument kruċjali. L-għażla mhix bejn mexxejja, imma bejn staġnar u tiġdid.
Jeħtieġ nieqfu mmexxu l-kriżi u nibdew immexxu l-bidla. Din mhux kampanja ta’ ħames minuti, imma missjoni biex nibnu mill-ġdid lill-Partit Nazzjonalista f’partit li hu fdat, preżenti u lest li jiggverna.
Wasal iż-żmien li nieqfu nħarsu lura. Wasal iż-żmien li naġixxu, flimkien, b’determinazzjoni u b’kuraġġ.
Din hija ikbar minn kompetizzjoni għat-tmexxija. Din hija sejħa għal partit li jerġa’ jitwieled.
Il-Mument hu Issa. U jien lest immexxi.

Din l-intervista dehret f’Il-Mument  tal-Ħadd 24 ta’ Awwissu, 2025