Il-Prim Ministru Franċiż Francois Bayrou qed jiffaċċja mewġa ta’ maltemp politiku li kapaċi jwassal għar-riżenja tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan wara li l-partiti Franċiżi fl-Oppożizzjoni dikjaraw li mhumiex se jappoġġjaw lil Bayrou wara li hu sejjaħ vot ta’ fiduċja rigward il-pjani urġenti li jesiġu għall-qtugħ profondi fil-baġit…Vot li hu programmat għat-8 ta’ Settembru.
Il-Prim Ministru ilu minn Diċembru jmexxi Gvern ta’ minoranza u, fil-bidu tal-ġimgħa, kien kostrett li jsejjaħ dan il-vot fost it-twissija li ‘Franza qed tiffaċċja żmenijiet deċiżivi u daqstant ieħor inkwetanti’.
Bayrou għamilha ċara wkoll li l-pajjiż ma jaffordjax li ‘jdaħħal rasu fir-ramel’ quddiem l-iżbilanċ ‘allarmanti’ fil-baġit…Żbilanċ li qed jiżdied max-xhur u li għandu jilħaq livell insostenibbli fil-futur qarib.
Madankollu, is-Soċjalisti Franċiżi, il-Partit Rally Nazzjonali, il-Partit tal-Ħodor u entitajiet oħrajn rappreżentati fl-Assemblea ta’ Pariġi lkoll stqarrew li se jivvutaw ‘kontra Bayrou’…Dan ukoll meta ssejħu l-protesti tal-massa bl-iskop li ‘jimblokkaw kollox, inkluż id-deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-Parlament ta’ Pariġi’.
Il-moviment Bloquons tout — li introduċa ruħu fuq il-media soċjali u li llum qed jingħata l-appoġġ tal-unions u l-elementi radikali tax-xellug — se jkun l-ixprun wara l-protesti…Dan ladarba Bayrou, ġimgħat ilu, ħabbar il-pjani għall-qtugħ fil-baġit nazzjonali li għandhom ikunuekwivalenti għal kważi 44 biljun ewro.
Sadanittant, il-possibbiltà ta’ disfatta kbira għall-Prim Ministru Franċiż waqt il-vot qed taffettwa anki l-indiċi tal-ishma u l-boroz fi Franza – bil-Ministru tal-Finanzi Franċiż, Eric Lombard, jisħaq dwar ‘il-ħtieġa kollettiva biex jinstabu l-mezzi għal baġit ġdid għall-2026…’Baġit li, f’dan il-każ, jippermetti biex il-pajjiż jirkupra mis-sitwazzjoni mwiegħra li spiċċa fiha.’
L-iżbilanċ tas-sena l-oħra fil-baġit laqat ħażin lil xi sitta fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) ta’ Franza — bil-Prim Ministru Bayrou jenfasizza ‘dawn iċ-ċirkustanzi’ u ‘in-neċessità nazzjonali’ li l-Parlament ma jippermettix li Franza tkompli tegħreq ‘f’wied tad-djun’.
//= $special ?>