Ftit jiem biss wara li l-Partit Nazzjonalista ħabbar li se jippreżenta abbozz ta’ liġi, il-Gvern jammetti l-falliment tiegħu u jħabbar emendi fuq l-istess linja
Il-pressjoni qawwija li għamlu l-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili wasslet biex il-Gvern illum biddel ir-rotta dwar is-sitwazzjoni inkwetanti tas-sigurtà fit-toroq wara li ammetta li falla f’dan il-qasam.
Tant li ftit jiem biss wara li l-Partit Nazzjonalista ħabbar li malli jiftaħ il-Parlament se jkun qed iressaq Abbozz ta’ Liġi biex tkun indirizzata din is-sitwazzjoni, il-Gvern ħabbar emendi fuq l-istess linja.
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar li l-Gvern se jippreżenta tibdil fil-liġi li jirrefletti ħafna minn dak li pproponiet l-Oppożizzjoni ftit tal-ġranet ilu, fosthom dwar it-testijiet għall-alkoħol u d-droga, sentenzi ta’ priġunerija effettivi għal min jikkawża fatalitajiet, pieni iżjed ħorox u sospensjonijiet tal-liċenzja.
Madanakollu l-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jinnutax li wara xhur sħaħ ta’ appelli kontinwi għal dan it-tibdil, kemm mill-Oppożizzjoni kif ukoll minn tobba, esperti u numru ta’ NGOs, il-Gvern irreaġixxa biss wara li l-Partit Nazzjonalista qal li se jkun hu li jieħu l-inizjattiva bi Private Members’ Bill fil-Parlament. Huwa ċar li dan Gvern li għeja, li waqaf jieħu l-inizjattiva, u li jirreaġixxi biss għal dak li tgħid u tagħmel l-Oppożizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-esperti u l-assoċjazzjonijiet li s’issa pparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni li qed jagħmel, u jistieden lil kull min jixtieq jipparteċipa biex jersaq ’il quddiem bl-ideat tiegħu.
Il-ħidma fuq dan l-abbozz se tkompli għaddejja hekk kif se nkunu qed insegwu mill-qrib ukoll dak li se jkun qed jipproponi l-Gvern.
Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott, mix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut, u mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina.