Internazzjonali

Il-qtil tal-ġurnalisti f’Gaza: Iżrael taħt pressjoni biex jaċċerta investigazzjoni konkreta

Iżrael jinsab taħt pressjoni biex jispjega bl-aktar mod dettaljat iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-attakk militari fuq sptar ewlieni ta’ Gaza u l-qtil sussegwenti ta’ diversi ġurnalisti fl-istess sit…..Azzjonijiet li ġibdu l-kundanna tad-dinja meta l-Iżraeljani, bħalissa, qed iħejju ‘il-fażi deċiżiva’ tal-offensiva kbira fuq it-terroristi al-Ħamas fil-Belt ta’ Gaza.

Il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fil-bidu tal-ġimgħa, wettqu attakki konsistenti fuq il-kumpless tal-isptar ta’ Nasser, f’Khan Younis, u fejn inqatlu u ndarbu l-għexieren tan-nies, fosthom ġurnalisti li kienu marru fis-sit biex jirrappurtaw l-iżviluppi xokkanti.

U issa n-Nazzjonijiet Uniti qed tinsisti li Iżrael jinsab fid-dmir li mhux biss jinvestiga dan ‘il-qtil illegali’ f’Gaza iżda jaċċerta li l-inkjesta tissarraf f’riżultati ċari li, fost oħrajn, jindikaw jekk fil-mira kienx hemm ‘tassew’ numru ta’ terroristi.

Il-kelliema tan-NU  semmew il-ħtieġa għal ġustizzja meta l-qtil tal-ġurnalisti f’Gaza  qed iqajjem ħafna mistoqsijiet dwar ‘il-vera mottivi tal-Iżraeljani’.

Uħud mill-ġurnalisti li nqatlu fis-sit tal-isptar ta’ Nasser kienu jinkludu media-persons mal-aġenziji Reuters, Associated Press u Al Jazeera….Aġenziji li lkoll ħarġu stqarrijiet ta’ niket għat-telfa tal-ħaddiema tagħhom, bil-militar Iżraeljan iwiegħed li mgħandhomx jieqfu l-investigazzjonijiet fl-inċidenti tat-Tnejn f’Khan Younis.

Sar magħruf li l-maqtula fl-isptar ta’ Nasser u l-madwar sfaw vittmi ta’ żewġ attakki konsekuttivi li seħħew minuti biss ‘il bogħod minn xulxin – b’missila tolqot sezzjoni tal-kumpess u b’missila oħra tistraxxna l-inħawi viċin tal-isptar waqt li l-ġurnalisti u l-iskwadri għall-emerġenza kienu qegħdin jaslu fuq il-post…. Inċidenti li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, fissirhom bħala ‘żviluppi traġiċi’.

Fl-aħħar sigħat, numru ta’ pajjiżi, fosthom ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Awstralja ikkundannaw il-qtil konsistenti ta’ persuni innoċenti f’Gaza waqt li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ukoll esprima dispjaċir għall-aħħar żviluppi katastrofiċi waqt il-konflitt ta’ Gaza.

Fl-aħħar sigħat, il-Gvern tal-Kanada esprima x-xokk u sens ta’ niket għall-attakki qattiela fuq l-Isptar ta’ Nasser u l-ġurnalisti — fost stqarrija li ‘Iżrael għandu l-obbligu li jipproteġi liċ-ċivili, il-ġurnalisti u l-ħaddiema tas-saħħa li qegħdin jagħmlu ħidma fejjieda f’Gaza’.

Il-Kanada żiedet leħinha ma tar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u pajjiżi oħra biex tħeġġeġ tmiem immedjat u permanenti għall-gwerra ta’ Gaza u biex iċ-ċivili Palestinjani, ġurnalisti u l-membri tal-Assoċjazzjonijiet tas-Salib l-Aħmar ikunu garantiti minn protezzjoni….Dan ukoll fost l-appelli għal spinta sostanzjali fl-impenji għall-għajnuna militari li n-Nazzjonijiet Uniti qed tmexxi f’Gaza.

Fl-aħħar sigħat ukoll kienet preżentata ittra pubblika ffirmata minn 209 eks-ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea, membri ewlenin tal-istaff diplomatiku u l-ambaxxaturi tal-Istati membri tal-Unjoni …Ittra li appellat b’urġenza għal azzjoni aktar effettiva biex twaqqaf il-konflitt ta’ Gaza flimkien mal-‘azzjonijiet oħra illegali tal-Iżraeljani’ fix-Xatt tal-Punent.

L-ittra sostniet li f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni Ewropea tonqos minn azzjoni kollettiva, l-Istati membri tal-UE jeħtieġu jieħdu l-inizjattiva huma – b’mod individwali inkella bħala parti minn gruppi iżgħar – biex jappoġġjaw id-drittijiet umanitarji u r-rispett tal-liġi internazzjonali fil-Medda ta’ Gaza u l-artijiet oħrajn fejn hemm il-komunitajiet tal-Palestinjani.

50