Lokali

Il-Viċi Sindku Laburista tal-Imqabba jibqa’ ma jirriżenjax

Il-Viċi Sindku Laburista tal-Imqabba mhux talli ma jara xejn ħażin fil-kumment li ħalla fuq il-midja soċjali rigward in-nisa – talli qed jibqa’ jgħid li n-nisa jħobbu jissawtu waqt is-sess.

Kienet din l-istqarrija xokkanti tal-Viċi Sindku Laburista Jonathan Dingli, wara li f’kumment pubbliku li għamel fuq storja tas-Super One, Dingli ddikjara li mara… wisq tħobb tissawwat; dikjarazzjoni xokkanti li turi insensittività kbira lejn in-nisa kollha speċjalment dawk li huma vittmi ta’ vjolenza domestika. 

Kienet propju din il-kamra tal-aħbarjiet li kixfet dan il-kumment, li ġab baraxx ta’ reazzjonijiet iebsin.

U minkejja li anke s-Segretarju Parlamentari Laburista Rebecca Buttigieg kienet pronta tikkundanna dan il-kumment insensittiv u saħqet li dan mhux diskors li wieħed jgħid… il-Labour baqa’ ma fetaħx ħalqu. U Dingli għadu sa issa ma rriżenjax mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba. Lanqas is-Sindku – li hija mara – għadha ma tkellmet fuq dak li seħħ.

Id-diskors li kiteb Jonathan Dingli dwar kif in-nisa, skont l-istess Viċi Sindku tal-Labour, iħobbu jissawtu… ġibet kritika enormi. Bosta saħqu li jħossuhom ferm iddispjaċuti li qed jgħixu f’pajjiż fejn nies b’awtorità għandhom mentalità medjevali li tkompli tikkalpesta l-ħidma ta’ diversi għaqdiet li jaħdmu kontra l-vjolenza domestika. Oħrajn qalu li bħala ġenituri ma jħossuhomx komdi li jkollhom lit-tifla tagħhom f’pajjiż fejn jekk tkun vittma ta’ vjolenza domestika, issib lil xi ħadd jiżżufjetta bik.

Filwaqt li wħud insistew li l-Viċi Sindku Jonathan Dingli qed ikompli jgħin sabiex in-nisa jidhru bħala oġġetti sesswali.

Apparti minn hekk kien hemm ukoll kundanna mill-Kummissjoni Kontra l-Vjolenza Domestika – bil-Kummissarju tisħaq li kummenti bħal dawn ikomplu jsaħħu kultura ta’ abbuż.

Fid-dawl ta’ dan il-każ, il-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista fl-Imqabba Noel Galea u l-kunsillier Owen Sciberras, qed jitolbu għar-riżenja tiegħu minn Viċi Sindku u minn kunsillier fl-Imqabba. U jekk dan ma jsirx, dan għandu jiġi mitlub jirriżenja mill-Partit Laburista.