Lokali

Kollox jinsab lest għall-ewwel sessjoni ta’ early voting fl-elezzjoni għall-Kap tal-PN

Kollox jinsab lest sabiex jibda l-proċess li permezz tiegħu il-Partit Nazzjonalista se jeleġġi Kap ġdid bil-vot tat-tesserati. Liema votazzjoni bikrija ser tkun qed issir l-Erbgħa u tissokta s-Sibt 30 ta’ Awwissu – bis-6 ta’ Settembru ikun il-jum propja tal-votazzjoni.

Net News tkellem mac-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Mario Callus illi fakkar li l-aġġornament tat-tesseri se jagħlaq l-Erbgħa 27 ta’ Awwissu f’nofsinhar.

Kull teserrat eleġibli dakinhar tal-votazzjoni hu mitlub jġib miegħu ċ-ċertifikat tal-votazzjoni li qed jasal bil-posta, u l-karta tal-identità.

Mario Callus spejga wkoll li ma’ kull ċertifikat tal-vot hemm miktub il-post tal-votazzjoni, sabiex il-Kummissjoni tqassam lit-tesserati bl-aħjar mod possibli skont fejn hu l-aktar viċin għalihom.

Madanakollu, jekk wieħed għal xi raġuni jew oħra fis-6 ta’ Settembru ma jkunx jista jmur fil-post indikat jista’ jmur jivvota f’kull post ta’ votazzjoni li jinkludu, d-Dar Ċentrali tal-PN, is-Sub HQ Ta’ Sannat  u fil-Każini ta’ Ħal Tarxien, Ħal Safi u l-Imġarr.

Intant Mario Callus spjega wkoll il-mod kif wieħed jista’ jivvota u jagħmel il-preferenza tiegħu minn fost iż-żewġ kandidati.

Il-votazzjoni  bikrija ser tkun qed issir l-Erbgħa 27 ta’ Awwissu mill-4 ta’ waranofsinhar sad-9 ta’ filgħaxija fid-Dar Centrali, u sat-8pm f’Ta’ Sannat.

Is-Sibt 30 ta’ Awwissu, mid-9 ta’ filgħodu sas-7 ta’ filgħaxija, filwaqt li f’Ta’ Sannat il-votazzjoni tagħlaq fil-5pm.