Lokali

L-IĠM jerġa’ jinsisti li l-Gvern Malti jikkundanna lil Iżrael

Fix-xahar ta’ Lulju, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kien diġa’ ħeġġeġ lill-Gvern Malti biex jikkundanna b’mod immedjat l-azzjonijiet ta’ Iżrael fit-territorju Palestinjan.

Dan permezz ta’ ittra li l-istess IĠM, kien bagħat lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru għall-Affarjiet Barranin Ian Borg.

Xahar wara, fi stqarrija, l-IĠM reġa’ wassal dan l-appell qawwi. Filwaqt li ikkundanna l-qtil tal-ħames ġurnalist Palestinjani, li seħħ matul il-jum tat-Tnejn mill-militar Iżraeljan. L-IĠM espirima solidarjeta mal-ġurnalisti li qed jipprovaw ikunu l-viżwal u l-vuċi għar-realta li għaddejja f’Gaza.

Fost l-għoxrin persuna li sfaw maqtula fl-attakk tal-bidu tal-ġimgħa fuq sptar ‘il barra mill-belt ta’ Gaza kien hemm il-ġurnalisti, Hussam al-Masri tar-Reuters, Mohammad Salama għall-Al Jazeera, u Mariam Abu Daqqa , Ahmed Abu Aziz u Moaz Abu Taha.

Il-ġurnalisti kienu fl-isptar jirrappurtaw dwar attakk preċedenti li ħalla diversi mejta. Fost dawk fil-mira tal-militar Iżraeljan, kien hemm membri tal-protezzjoni ċivili li kienu qed joffru assistenza fiz-zona.

L-IĠM fakkar li Iżrael ipprojbixxa lill-midja internazzjonali milli jirrapporta f’Gaża. U n-netwerks qed ikollhom jiddependu fuq korrispondenti Palestinjani, li flimkien ma’ eluf ta’ residenti ta’ Gaża kellhom jiffaċċjaw l-ispostament sfurzat, il-ġuħ u n-nuqqas ta’ bżonnijiet bażiċi.