Lokali

L-MHRA tikkundanna l-vjolenza: is-sigurtà u r-regoli jridu jiġu rrispettati minn kulħadd

Permezz ta’ stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti kkundannat b’mod qawwi kull forma ta’ vjolenza ġewwa jew madwar ristoranti u stabbilimenti ta’ ospitalità.

L-MHRA enfasizzat li r-regoli jridu jiġu rispettati minn kulħadd. Li r-ristoranti jkollom post fejn jieklu l-klijenti barra hi politika li l-gvern ilu jippromwovi b’mod attiv, hekk kif ħafna nies jippreferu jieklu barra, iżda huma sostnew li din trid titwettaq b’mod responsabbli.

F’każ ta’ diżgwit jew nuqqas ta’ konformità, għandhom jissejħu spetturi mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu biex jiżguraw li r-regolamenti jiġu osservati. Barra minn hekk, jekk xi ħadd jhedded lill-klijenti, lill-impjegati jew lill-proprjetà, għandha tissejjaħ immedjatament il-pulizija, kif hu permess mill-liġi.

L-Assoċjazzjoni sostniet li l-maġġoranza tas-sidien tar-ristoranti f’Malta huma professjonisti ta’ bona fide li jaħdmu bla waqfien matul is-sena kollha biex jilqgħu u jservu lill-klijenti tagħhom. L-azzjonijiet inaċċettabbli ta’ ftit persuni m’għandhomx iħallu effett fuq il-maġġoranza li ddedikaw ruħhom għas-settur.

Għaldaqstant, l-MHRA qed issejjaħ għall-azzjoni mill-awtoritajiet dixxiplinarji kontra kull min iġib ruħu b’mod vjolenti f’kull forma. Is-sigurtà u s-serħan tal-moħħ mhumiex għażla, iżda essenzjali f’destinazzjoni li tfittex li tattira turiżmu ta’ kwalità u tiggarantixxi l-aħjar esperjenza possibbli għall-viżitaturi, filwaqt li tiżgura bilanċ mal-bżonnijiet tal-komunità.