Kroat ta’ 69 sena li jaħdem f’restorant wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ tixrid ta’ materjal pornografiku tat-tfal meta tressaq il-Qorti t-Tlieta. Mladen Terzic, residenti San Pawl il-Baħar, ġie akkużat li xandar materjal indeċenti li juri tfal taħt id-disa’ snin, li akkwista u kien fil-pussess ta’ pornografija tat-tfal, kif ukoll li ċċirkola dan il-materjal.
L-Ispettur Eman Hayman spjega kif l-investigazzjoni bdiet wara li l-Pulizija rċevew informazzjoni mingħand l-NCMEC – “National Center for Missing and Exploited Children” fl-Istati Uniti – dwar indirizz IP f’Malta li kien qed jintuża biex jittella’ online materjal ta’ sfruttament sesswali tat-tfal.
Il-Pulizija segwew din il-link u wettqu żewġ arresti relatati mal-każ. Persuna waħda ġiet rilaxxata hekk kif instab li ma kellhiex x’taqsam mal-allegazzjonijiet. Mladen Terzic ġie arresta u tressaq il-Qorti.
Fil-Qorti, Terzic ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża, rappreżentata mill-avukat tal-għajnuna legali Victor Bugeja ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest f’din l-istadju. Il-Maġistrat Joseph Gatt ippresieda l-każ. L-akkużat tressaq mill-Ispettur Eman Hayman.
//= $special ?>