Lokali

NIRBĦU

Adrian Delia
B’rabta mal-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, il-gazzetta Il-Mument poġġiet numru ta’ mistoqsijiet lil Adrian Delia, wieħed mill-kandidati uffiċjali għal din l-elezzjoni.

Min hu Adrian Delia? Aqsam magħna ftit il-background tiegħek.
Bħalma għidt ħafna drabi, jien avukat minn Birkirkara u missier ta’ sitt itfal. Kif jafu ħafna, kont diġà Kap tal-Partit Nazzjonalista. Probabbilment li fl-aħħar snin sirt magħruf iktar minħabba r-rebħa tiegħi u tal-poplu Malti fil-każ Vitals/Steward. Madankollu nippreferi ma nitkellimx fuqi nnifsi u nħalli lill-poplu tagħna jitkellem.

Għaliex ħassejt li kellek twieġeb għal din is-sejħa? Fejn trid tasal?
Huwa mument kruċjali għal pajjiżna, li għandu bżonn Oppożizzjoni serja u kredibbli, għandu bżonn Partit Nazzjonalista b’saħħtu, u għandu bżonn Partit Nazzjonalista fil-Gvern – illum qabel għada.
Inħoss li bl-enerġija karatteristika tiegħi, għandi x’noffri, flimkien mal-ħafna li lesti jaħdmu miegħi għal dawn l-għanijiet, anki ma’ dawk li mhux dejjem fhimna lil xulxin. Għalhekk ma stajtx ma nweġibx għal din is-sejħa li noffri lili nnifsi lit-tesserati għall-għażla tagħhom ta’ Kap.

Kellimni ftit dwar il-motto tiegħek għal din il-kampanja u għaliex?
Nirbħu tfisser ħafna. Irridu nirbħu lura l-fiduċja tan-nies. In-nies qed tara li aħna, id-deputati bejnietna, diġà rbaħna l-fiduċja f’xulxin. Qed nifhmu lil xulxin ħafna aħjar, u nagħrfu dak li jgħaqqadna iktar milli fejn ma naqblux fuq xi ħaġa jew oħra.
Din hija diġà l-ewwel rebħa, għax irbaħna mill-ġdid Partit magħqud li, wara din l-elezzjoni, nagħfu li ser ikun qed jaħdem b’għaqda u determinazzjoni.
Irridu nirbħu lura lil dawk li għal xi raġuni jew oħra tlifnihom fil-passat. Dan ma jistax isir b’mod passiv. Irridu nkunu proattivi u ninvestu f’kampanja ta’ outreach ħalli fejn hemm bżonn nitgħallmu minn, u nsewwu, żbalji tal-passat. Irridu Partit li jerġa’ jkun rebbieħ kif jixraqlu.
Il-poplu Malti u Għawdxi hekk għandu bżonn – Partit Nazzjonalista b’saħħtu u rebbieħ għax b’hekk biss jista jirbaħ lura pajjiżna. Il-politika ekonomika tal-Gvern Laburista, li biha jistagħnew il-ftit tal-qalba, u jħallu l-frak għall-kumplament, qed tfisser li sar għandna pajjiż ma nagħrfuhx.
Biżżejjed insemmu l-ispazji pubbliċi li minn jum għall-ieħor qed jinbelgħu, l-ispazji ta’ ħdura u arja nadifa qed jintradmu, u l-art tal-bdiewa tinħataf bl-addoċċ. Għażilt il-kelma “Nirbħu” għax il-qalba tal-kampanja tiegħi hija bbażata fuq li nirbħu lura n-normalità u jkollna pajjiż normali.

X’inhu t-twemmin politiku tiegħek?
Jien Nazzjonalist Malti li nappartjeni għat-twemmin Demokristjan; twemmin li jħares lejn l-individwu fiċ-ċentru tal-politika; twemmin li huwa immirat biex ħadd ma jintesa u jitħalla l-art.
Politika soda u serja li toħloq ġid li jitgawda minn kulħadd mhux bħalma għandna llum, qaqoċċa u klikka ta’ min jaħtaf. Għandna Gvern li jixba’ jdoqq trombi bis-suppost suċċess tiegħu, l-attaparsi suċċess li qed iħalli ħafna vittmi.
Żgħażagħ ma jaffordjawx jixtru proprjetà, anzjani ma jlaħħqux mal-għoli tal-ħajja, familji ma jistgħux joqogħdu kwieti ġewwa darhom, baħar inkallat, ambjent imbiċċer, traffiku iġġammjat, reputazzjoni ta’ pajjiżna mżebilħa, sistema ta’ saħħa mgħobbija żżejjed b’ħinijiet ta’ stennija ta’ barra minn hawn… kollha vittmi tas-suċċess.
Il-Maltin sirna nħossuna barranin f’pajjiżna, b’dejn nazzjonali li sploda. Dan x’suċċess hu? Is-suċċess li nemmen fih jien huwa dak li minnu jgawdi kulħadd, f’kull qasam tal-ħajja.

Skont inti x’inhu l-x-ray tal-Partit Nazzjonalista llum?

Il-PN llum huwa Partit b’potenzjal kbir iżda li kultant donnu jgħix fid-dell kenni tal-istorja u tal-passat glorjuż tiegħu. Jien nitkellem ma’ ħafna nies kuljum li jesprimu l-ideat tagħhom dwar kif nistgħu ntejbu lill-Partit.
Il-Partit ilu snin iwiegħed li se jisma’. Ilu snin iħeġġeġ lill-partitarji biex isemmgħu leħinhom u jersqu. Wasal iż-żmien li jkun il-Partit li verament jersaq lejn in-nies permezz ta’ strumenti ġodda biex jisma’, jipproċessa u jagħrbel.
Huwa evidenti li għandu problemi mhux biss ta’ kif il-messaġġ jasal għand in-nies imma wkoll problemi finanzjari. Jekk il-partitarji tagħna jagħżlu lili bħala Kap tagħhom, jien nibda nwettaq il-pjan tiegħi biex id-dejn tal-Partit mhux biss jitrażżan imma jitħallas. Minkejja d-diffikultajiet, il-PN jibqa’ fuq quddiemnett fil-ġlieda tal-poplu biex Malta terġa’ ssir pajjiż normali. Pajjiż fejn il-poplu jgawdi verament kwalità ta’ ħajja aħjar.

Nistaqsik dwar il-viżjoni/it-triq ’il quddiem tiegħek għall-Partit Nazzjonalista? Lil fejn trid tieħu lil dan il-Partit?
Jien irrid nerġa’ nara lill-Partit tagħna jadotta mentalità rebbieħa u jemmen li jista’ jirbaħ. Irrid Partit li jkun verament ta’ kulħadd, u li fih ikun hemm lok għal opinjonijiet differenti.
Partit b’nies ta’ rieda tajba f’atmosfera fejn id-dibattitu, id-diskussjoni u anki d-diverġenzi, isiru fi spirtu kollaborattiv. Irrid nuqqas ta’ qbil bejn l-ideat, mhux bejn il-personalitajiet. Irrid nara partit dinamiku li mhux biss jikkritika iżda jipproponi u jgħid kif l-affarijiet jistgħu isiru aħjar.
Bl-għajnuna tagħkom, bl-ideat tagħkom u bl-enerġija karatteristika tagħna nemmen bis-sħiħ li se naslu biex nibdlu dan il-Partit u fil-futur qrib, anki l-pajjiż.

Kapaċi tagħmel mill-Partit Nazzjonalista mill-ġdid partit rebbieħ? Kif? X’hemm bżonn li jsir?
Kif diġà għidt, l-ewwel prijorità flimkien mal-bini ta’ relazzjoni aħjar mal-elettorat għandha tkun il-finanzi. Għandi pjan serju dwar kif il-finanzi tal-Partit jistgħu jiġu ristrutturati u msaħħa b’mod li jinqata’ d-dejn u fl-istess ħin jagħtuna n-nifs u l-possibbiltà li nikbru u nsaħħu s-saħħa tal-messaġġ tagħna.
Irridu nintroduċu u nisfruttaw strumenti li qed toffri t-teknoloġija tal-lum u nibqgħu dejjem aġġornati biex il-messaġġ tal-Partit jibqa’ dejjem frisk u proattiv. Nagħmlu użu sħiħ minn teknoloġiji bħall-Artificial Intelligence biex insaħħu l-istrutturi tagħna.
Insiru attraenti biżżejjed biex niġbdu lejna l-aħjar nies f’kull settur biex niksbu iktar għarfien. Meta nibnu rwieħna madwar in-nies, u nżommu lill-poplu, kull wieħed u waħda minnha, fil-qofol tal-politika tagħna, ir-rebħ jiġi wkoll.

X’inhuma l-inroads prinċipali tiegħek għall-Partit Nazzjonalista? Kif se ttejjeb il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista?
Fis-snin li jien kont Kap, id-dejn kien qiegħed jiġi mrażżan u mnaqqas u hekk irrid nerġa’ nagħmel. Hawn irrid insellem lil Robert Arrigo, li tant stinka miegħi fuq dak il-proġett. Irridu nirregolarizzaw l-obbligi tagħna bħala Partit. Ma nistgħux nibqgħu nkunu vulnerabbli billi ma nippreżentawx il-kontijiet fil-ħin u kif suppost. Dwar dan m’hemm l-ebda dubju, irid isir minnufih.
Bil-fiduċja tagħkom, se nkun qed nara li r-riżorsi tal-Partit jiġu sfruttati bl-aħjar u bl-iktar mezzi effiċjenti biex niżguraw dħul kontinwu u garantit għall-Partit.
Dan isir permezz ta’ pjan serju li se nkun qed nippreżenta lilkom fil-ġimgħat li ġejjin dwar kif kull proprjetà li għandu l-Partit se tkun qed toffri dħul serju u kontinwu skont il-valur reali tagħhom fis-suq tal-kirjiet attwali.
Se nkun ukoll qed niżgura li l-Partit igawdi mill-aħjar rati ta’ imgħax bankarju fuq id-dejn biex tkompli titnaqqas il-pjaga tal-finanzi u s-sitwazzjoni ssir sostenibbli.

Nitkellmu dwar Dar Ċentrali miftuħa għal kulħadd… nitkellmu dwar il-ħtieġa ta’ spazji ġodda… x’inhuma r-reazzjonijiet tiegħek?
Naħseb li r-risposta għal dan toħroġ diġà minn dak li għidt qabel dwar l-individwu fil-qofol tal-politika, u Partit verament ta’ kulħadd.
Irridu neliminaw l-idea li għandna Partit mifrud. Dik hija stampa falza li qed ipinġi ħaddieħor.
Nemmen li rridu nkomplu nibnu l-pontijiet u naqblu iktar bejnietna, u anki meta ma naqblux fuq l-ideat, naslu għall-aħjar soluzzjoni flimkien għall-interess komuni. Forsi fil-passat ħallejna l-kwestjoinijiet joħorġu wisq fid-deher, u l-midja soċjali tista’ tkun perikoluża f’dan il-qasam.
Imma dak li ħafna jqisuh bħala nuqqas, huwa wkoll saħħa. Min jidħol fil-Partit iġib miegħu fuq il-mejda l-esperjenza, il-kapaċitajiet u l-ideat tiegħu jew tagħha.
Irridu nkunu miftuħin għal dan kollu. Kulħadd huwa validu, u kulħadd huwa rilevanti. Hemm ħafna żgħażagħ, uċuħ ġodda fil-Partit, li jirrappreżentaw il-futur. Irridu nagħtuhom l-ispazju biex jikbru, jitgħallmu u ’l quddiem imexxu. Kap tajjeb irid jaħseb ukoll għal dak li se jħalli warajh.

X’aġġornamenti tħoss li għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista fid-diversi strutturi tiegħu… Grupp Parlamentari, Kandidati, Fergħat…?
Dawn ma jistgħux ikunu ideat ta’ persuna waħda biss imma materji li rridu niddiskutu u nistudjaw biex nidentifikaw il-bidliet u r-riformi li għandna bżonn. B’diskussjoni wiesgħa u qsim ta’ ideat, nistgħu naħmu formula solida u rebbieħa għall-Partit li tkun tirrifletti lil dak li jistenna l-poplu mingħandna.

Kif tħares lejn il-midja tal-Partit Nazzjonalista… kif taħseb u temmen li din għandha tissaħħaħ?
Għandna midja tradizzjonali – television, gazzetti u radju – immexxija minn nies dedikati u bieżla. Qed iġibu riżultati pożittivi ferm bħala udjenzi, semmiegħa u qarrejja. Irridu nużawha aħjar billi fuq livell politiku, nagħtuha messaġġ tal-Partit b’mod li jkun intunat mal-poplu.
Irridu wkoll nagħmlu l-aħjar użu mill-mezzi li jmorru lil hinn mill-midja tradizzjonali, il-midja soċjali. Hemmhekk irridu naħdmu iktar, u għal dan il-għan diġà qiegħed f’komunikazzjoni m’esperti f’dawn l-oqsma, fil-marketing u fil-midja soċjali, biex nissaħħu hemmhekk ukoll.
Irridu niżguraw ukoll li l-midja tagħna topera b’mod sostenibbli. Għalhekk irridu ninvestu fiha biex tkun iktar attraenti u tiġbed lejha udjenzi ġodda u investiment minn terzi biex tilħaq il-massimu tal-potenzjal politiku u finanzjarju.

Xi pjani għandek dwar it-twassil tal-messaġġ tal-Partit b’mod effettiv fid-djar, fil-postijiet tax-xogħol, fil-pjazez u fil-postijiet fejn jiffrekwentaw in-nies?
Hawnhekk irrid nagħmel distinzjoni bejn il-komunikazzjoni u l-midja, għax ħafna drabi jitfixklu bejniethom. Irrid naċċenna li l-komunikazzjoni hija proċess two-way.
X’jiġifieri? Tinvolvi li nisimgħu u li nitkellmu. U qabel ma nitkellmu rridu nisimgħu – irridu nisimgħu x’iridu u x’ma jridux in-nies, nisimgħu x’inhuma l-bżonnijiet u l-uġigħat tal-familji, nisimgħu l-ideat ta’ nies validi li għandhom ħafna x’joffru lill-Partit, u li forsi fil-passat ma tajnihomx widen.
Iktar ma jkollna rappreżentanza ta’ oqsma differenti, u perspettivi varji tas-soċjetà tagħna, iktar inkunu nistgħu nippreparaw politika tajba għal kulħadd.
Ladarba l-messaġġ ikun wieħed tajjeb, b’saħħtu u jirrifletti r-rieda tal-poplu, għandna l-mezzi kollha biex inwassluh. Huwa fatt li jaf kulħadd li n-numru ta’ nies ta’ kull età li qed iduru fuq il-midja soċjali u min hemm jieħdu l-informazzjoni u l-aħbarijiet. Għalhekk irridu nżidu l-preżenza tagħna fil-midja soċjali.
Il-midja soċjali hija l-futur u partit ambizzjuż bħal tagħna jrid iħares lejn il-futur. Irridu nesploraw mezzi kif il-pubbliku jinteragixxi magħna ‘in real time’ – dak il-ħin stess. Għandna jkollna l-għodda biex nipproċessaw ir-reazzjonijiet u r-risposti u nużawhom bħala ħjiel ħaj ta’ dak li qed jgħid u jrid mingħandna l-poplu.

Irrispettivament minn meta se tissejjaħ l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, x’se jkunu l-ewwel ħidmiet tiegħek biex l-isfidi li għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista jdawwarhom f’opportunitajiet?
L-ewwel ħidmiet tiegħi ser ikunu immirati biex inġib lil magna tal-Partit lesta biex taħdem malli tissejjah l-elezzjoni. Għandna magna tajba ħafna li għanda bżonn dawra – ELCOM, strateġija, tim għal-kampanja, kumitati, midja… kollox.
Hemm il-possibbiltà kbira li l-Prim Ministru jsejjaħ elezzjoni malajr bil-ħsieb li Kap ġdid ikun għadu ma sabx saqajh. Allura importanti li mill-ewwel jum, il-Partit ningranah għall-elezzjoni.
Bħala Kap, kull filgħodu malli nqum nagħmel il-kalkoli tiegħi u nfassal il-ħidma bħallikieku l-elezzjoni hija ftit inqas minn sitt ġimgħat oħra, il-perjodu li l-Kostituzzjoni tagħti lill-Prim Ministru bejn it-tħabbir u d-data tal-elezzjoni. Jekk noħorġu tajjeb mat-tisfira, u ma ninħasdux, it-tellieqa tkun inqas diffiċli.

Il-Partit Laburista jibqa’ l-avversarju tagħna? Kif tħares lejn il-Partit Laburista?

Il-PL huwa rival, avversarju imma mhux għadu. Aħna kontra politika ħażina mhux kontra politiċi. Wisq inqas ma aħna kontra l-partitarji Laburisti.
Aħna kontra tmexxija li ġġib tbatija għal ħafna, biex jistagħnew il-ftit; Aħna kontra r-rovina tal-ambjent naturali u urban ta’ pajjiżna, mhux kontra min jaħdem fil-kostruzzjoni; aħna kontra min jisfrutta u jimporta l-barranin biex isir sinjur minn fuqhom, mhux kontra l-ħaddiema barranin infushom.
Jekk il-Partit Laburista jkompli miexi kif miexi, aħna kontra dak li jirrapreżenta f’dawn l-oqsma, oqsma li ġabu fnew lil pajjiżna bid-dejn, bit-traffiku, b’kostruzzjoni bla rażan u bla pjan, servizz tas-saħħa mgħobbi esaġerat u ħafna iktar problemi għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Għaliex Adrian Delia?
Jien dejjem għidt li t-tesserati tagħna, is-sidien tal-Partit huma dawk li jiddeċiedu u hekk għandu jkun. Għalhekk dak il-gudizzju nħallih f’idejhom konxju li segwewni kemm ilni b’mod attiv fil-politika.

X’inhu l-messaġġ tiegħek lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista?
Quddiemhom għandhom għażla importanti. Ħafna għadhom indeċiżi u qed jixtarru kollox bil-għaqal, u jwieżnu kull kelma, qabel ma jaslu għal deċiżjoni.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed. Naf li għandkom għal qalbkom il-ġid tal-Partit u tal-pajjiż, kif għandi jien. Tgħaġġlux biex taslu għal deċiżjoni.
Konvint li se taslu għaliha fl-ispirtu ġenwin ta’ dak li temmnu li huwa l-aħjar interess tal-Partit, u hekk għandkom tagħmlu.
Ir-rieda tagħkom hija sovrana, u d-deċiżjoni kollettiva tagħkom hija l-bibbja politika tiegħi. Inwiegħed lit-tesserati kollha li, tkun xi tkun l-għażla tagħhom, inbaxxi rasi, inżomm saqajja mal-art, u nkompli naħdem, kif dejjem għamilt.
Ifhmu li jekk jien, waħdi, irnexxieli nirbaħ il-kawża Vitals/Steward li ftit emmnu fiha, ara x’jirnexxielna nagħmlu jekk nemmnu u naħdmu lkoll flimkien biex – NIRBHU.

Din l-intervista dehret f’Il-Mument  tal-Ħadd 24  ta’ Awwissu, 2025.