Opinjoni

OPINJONI: Vuċijiet ekonomiċi

Piero Sraffa

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Diversi drabi dawk fil-politika jiżbaljaw li ma jikkunsidrawx dak li bnedmin fl-ekonomija jgħidu. Anki jekk dawn jintervjenu fil-kamp pubbliku hemm min jinjorhom. Imma huma għandhom vuċi li trid tiġi rispettata u meħuda fil-kuntest li tingħad, minn bnedmin li ħafna drabi huma marbuta mal-fatti, ċifri u l-statistika. Mhumiex lesti li ‘joħolmu’ wisq inqas li jinjoraw dak li huma stess jipprevjenu li ser iseħħ. Mhux neċessarjament ikollhom raġun fuq dak kollu li jgħidu imma dejjem kontra l-għaqal li ma tismax u ma tikkunsidrax dak li jkunu qed jagħrblu u jbassru. Nemen dejjem f’ekonomija li fil-libertà tagħha taħdem, li però għandha minn żmien għal żmien il-bżonn tal-interventi tal-liġi mill-istat. Dik li biha tikkontrolla l-abbuż tal-monopolji, tipproteġi l-kompetizzjoni ġusta, tħarisha mill-korruzzjoni fil-forom varji tagħha. Dawn mhumiex limitazzjonijiet għal-libertà tas-suq imma huma dmirijiet li jkunu kontinwament mħaddma.

Mario Draghi
Persuna li f’dan għandu vuċi partikolari mhux biss imħabba l-formazzjoni akkademika tiegħu imma l-iktar mertu tal-esperjenza. Persuna li ftit jiem oħra fit-3 ta’ Settembru jagħlaq tmienja u sebgħin sena. Bniedem li serva bejn l-2011 u 2019 fil-kariga determinanti ta’ President tal-Bank Ċentrali Ewropew u dik ta Prim Ministru tal-Italja bejn 2021 u 2022. Wieħed proprju li kellu l-opportunità li jiġbor l-ekonomija u l-politika f’daqqa. F’għarfien ta’ fejn iwasslu t-tnejn aktar u aktar meta tkun f’daqqa aktar koordinata. Mhux waħda tiddomina lill-oħra imma tassistiha. Dan il-bniedem diġà kellu diversi punti tajba fir-rapport li ressaq lill-Kummissjoni Ewropea s-sena li għaddiet. Imma ftit jiem ilu fit-22 ta’ Awwissu fil-meeting ta’ Rimini li bħalissa għadu għaddej, ressaq pożizzjonijiet ġodda li għandhom jiġu kkunsidrati. Dawk li ġew mit-tibdiliet li rajna u għadna qed naraw tul din is-sena.

X’qal
Fost dawn li l-Unjoni Ewropea trid tifhem ferm aktar ir-realtà preżenti. It-tieni fil-politika ekonomika li fiha wieħed għandu jagħraf li l-globalizzazzjoni nbidlet u ma għadhiex ‘tiddomina’. Fejn ġie rapportat li qal: “Per anni l’Unione Europea ha creduto che la dimensione economica, con 459 milioni di consumatori, portasse con se’ potere geopolitico e nelle relazioni commerciali internazionali . Quest’anno sara’ ricordato come l’anno in cui quest’ illusione e’ evaporata.” (Għal snin l-Unjoni Ewropea emmnet li d-dimensjoni ekonomika, b’459 miljun konsumatur, twassal inevitabbilment għal poter ġeopolitiku fir-relazzjonijiet internazzjonali. Imma din is-sena ser tkun mfakkra bħala dik li tirregistra li din l-illużjoni evaporat.) Il-punt huwa proprju dan li fl-għaqda neċessarja Ewropea wieħed irid jifhem aħjar dak li ninsabu fih u li l-parti politika trid tikber iktar biex tgawdi influwenza. Rispett aktar mill-potenzi preżenti u għalhekk direzzjoni ċara.

Kompromess ġdid
F’din l-ikbar demokrazija li tista’ u kapaċi tikkumbatti d-dittatorjati. Draghi jkompli fost diversi oħra jgħid: “Possiamo cambiare la traiettoria del nostro continente. Trasformate il vostro scetticismo in azione, fate sentire la vostra voce. L’Unione Europea e’ soprattutto un meccanismo per raggiungere gli obiettivi condivisi dai suoi cittadini. La nostramigliore opportunita per un futuro di pace, sicurezza, indipendenza: e’ una democrazia e siamo noi, voi, i suoi cittadini, gli europei che decidono le sue priorita.” (Nistgħu nibdlu t-traettorja tal-kontinent tagħna. Ibdlu x-xettiċiżmu f’azzjoni, semgħu leħinkom. L-Unjoni Ewropea hi fuq kollox mekkaniżmu biex jintlaħqu l-obbjettivi maqbula miċ-ċittadini tagħha. Hija l-aqwa opportunità lejn futur ta’ paċi, sigurtà, indipendenza; hija demokrazija u aħna aħna, inthom, iċ-ċittadini, l-Ewropej li jiddeċiedu l-prijoritajiet.) Draghi kull darba li jitkellem jesiġi mingħandna mumenti ta’ riflessjoni. Affermazzjoni ċara aktar fil-kapaċità u l-fiduċja li wieħed jrid jagħti lill-Unjoni Ewropea.

Piero Sraffa
Pożizzjoni li ħaduni fil-ktieb mill-iktar interessanti dwar dan l-ekonomista. Dak li twieled fil-5 ta’ Awwissu 1898 u miet fit-3 ta’ Settembru 1983 (ġurnata komuni). Persuna ftit magħrufa imma f’dan il-librett “Piero Sraffa-unorthodox economist” ta’ Jean Pierre Potier. Originarjament fil-Franċiż u tradott fl-Ingliż. Ktejjeb li huwa ċavetta għal spjegazzjoni ta’ diversi bnedmin li kienu parti mill-anti-faxxiżmu fl-Italja. Fil-ħbiberija li Sraffa kellu ma’ Antonio Gramsci (1891-1937) u diversi fi ħdan il-Partit Komunista. Waħda viċin bħala bnedmin mhux fl-ideat. Strumentali fil-preservazzjoni tan-noti li Gramsci kiteb waqt li kien kundannat. Noti studjati u mfaħħra minn diversi.

Magħruf
Partikolarment għal kitba “Production of Commodities by Means of Commodities; Prelude to a Critique of Economic Theory” (1960) kif ukoll fil-publikazzjoni tal-opri sħaħ tal-magħruf economista David Ricardo (1717- 1823) li raw id-dawl fl-1951. Mhux limitat għal dan u fl-eżilju li kellu jgħaddi minnu f’Cambridge l-Ingilterra, kiteb diversi artikli varji fuq suġġetti ekonomiċi u f’difiża għal dawk li kienu għaddejjin minn persekuzzjoni. Professur rikonoxxut f’ħafna. Imma li fuq l-ekonomija ma kitebx ħafna. Fil-fatt Gramsci stess jikkritikah fuq dan il-fatt imma huwa kien kawt u ried jkun ċert f’dak li qiegħed jgħid. Iktar u iktar meta kellu l-opportunià li jeżamina kitbet oħrajn u jikkritika dak li waslu għalih.

L-intelligenza
Bniedem kompletament barra mill-ordinarju. F’ħajtu mess ma’ diversi bnedmin magħrufa fid-dinja tal-intelligenza bħal Benedetto Croce (1886-1952) u Ludwig Wittgenstein(1889-1951) fost oħrajn. Sab ruħu f’toroq differenti proprju minħabba l-fatt li kien Lhudi u persegwitat sew f’pajjiżu u għalhekk sab refuġju minn bnedmin oħra li apprezzaw it-talenti tiegħu. Tgħallem l-Ingliż tajjeb u kien jikteb u jagħti lezzjonijiet fl-università. Apprezzat partikolarment minn John Maynard Keynes (1883-1946) persuna magħrufa sew fil-ħidma ekonomika tiegħu. Sal-lum kwotat, ċitat, u dak li influwenza u għadu diversi mexxejja. Meta wieħed jaqra din il-kitba ta’ Jean Pierre Potier fil-fatt tiskopri ħafna dettalji li jgħaqdu xenarji oħra. Fuq kollox jimmarkaw proċess ta’ diskussjoni kontinwu. Djalogu miftuħ li bih wieħed jista’ jħares lura u jifhem l-influwenza tal-marksiżmu u l-liberaliżmu. F’dak li inkiteb u f’dak li diversi fosthom Sraffa pprovaw jikkonkludu mingħajr ma jikkondividu.

Fosthom
Hemm x’taqra ċertament. Laqatni l-iktar fil-bżonn tiegħu ta’ realpolitik. Fl-1921 kiteb punt li laqatni fil-ħruxija tiegħu imma li huwa ta’ riflessjoni; “As the proletariat is entirely lacking in political preparation and organization, its action is necessarily limited to the industrial domain, and its leaders do all they can to confine it to that. But goodwill is not sufficient to remedy the theoretical and practical absurdity of separating the economic struggle from the political struggle.” (Billi l-proletarjat huwa kompletament nieqes minn preparazzjoni u organizzazzjoni politika, l-azzjoni tiegħu hija neċessarjament limitata mad-dominju industrijali, u l-mexxejja tiegħu jwettqu kollox biex iħalluh hemm. Imma r-rieda t-tajba mhix biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-assurdità teoretika u prattika li tifred il-ġlieda ekonomika minn dik politika.”)

Nistaqsu
F’dan illum wieħed għandu jistaqsi kemm dan għadu jgħodd. L-iktar f’kemm aħna fil-politika ninsabu esposti għall-kurrenti u l-ideat ekonomiċi preżenti. F’kemm aktar wara aħna kapaċi li waqt li nżommu l-pożizzjoni tagħna fil-ħajja politika u nifhmu li rridu nimxu f’ħafna id f’id. Iktar u iktar quddiem dak li ninsabu preżentement fl-Unjoni Ewropea f’dak li Mario Draghi qalilna: “Quest’anno sara’ ricordato come l’anno in cui quest’ illusione e’ evaporata.” Proprju fil-bżonn li nifhmu aktar fejn ser inmorru. Nifhmu r-realtà Ewropea li sejrin lejha. Dmirna bħala politiċi huwa li nifhmu u nisimgħu l-vuċijiet ekonomiċi.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 26 ta’ Awwissu, 2025.