Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li studenti bi studji terzjarji f’Malta qed iħallsu l-prezz qares frott il-fallimenti tal-Gvern wara li l-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, (Malta Further and Higher Education Authority, MFHEA), m’għaddietx mill-audit tal-European Quality Assurance Register for Higher Education (EQAR).
Fi tweġiba għat-talba formali mill-MEP Peter Agius, il-Kummissjoni għamlitha ċara li l-problema m’għandix x’taqsam mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea iżda hija kollu tort tal-Gvern Malti li falla milli jiżgura li jaderixxi mas-sistema ta’ quality assurance skont standards Ewropej.
Il-Viċi President Eżekuttiva tal-Kummissjoni Ewropea Roxana Mînzatu qalet fit-tweġiba tagħha li “sta għal Malta li tiżgura li s-sistema ta’ quality assurance tkun allinjata mal-ESG (European Standards and Guidelines) u tindirizza n-nuqqasijiet tagħha biex l-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla tkun tista’ tirreġista mal-EQAR”
L-esklużjoni tal-MFHEA milll-EQAR qed tfisser li mijiet ta’ studenti Maltin u barranin f’istituzzjonijiet edukattivi f’Malta, partikolarment fis-settur privat, qed jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom barra minn Malta għax il-kwalifiċi tagħhom mhux qed ikunu rikonoxxuti minn pajjiżi barranin minħabba li Malta mhix membru tal-EQAR.
Dan hu theddida kemm għall-karrieri futuri tagħhom u anke d-dritt fundamentali tal-moviment ħieles tal-professjonisti fl-Unjoni Ewropea.
“Din hija konferma mill-agħar: Il-Kummissjoni bla tlaqliq qed twaħħal fin-nuqqasijiet tal-Awtoritajiet Maltin” qal l-MEP Peter Agius. “Il-prezz tal-inkompetenza tal-Gvern qed iħallsuħ l-istudenti u l-għalliema tagħhom li investew is-snin ta’ ħajjithom u l-eluf ta’ ewro fl-edukazzjoni, u issa jinsabu fil-limbu. Il-Kummissjoni hija ċara, huwa l-Gvern Maltin li jrid jirranġa s-sitwazzjoni u jekk ma jiħux azzjoni se jfisser iktar dannu għall-istudenti u anke għar-reputazzjoni ta’ Malta fl-Ewropa”
Sadanittant, Il-Kummissjoni qalet li l-istituzzjonijiet edukattivi lokali jistgħu jitolbu evalwazzjoni minn aġenziji oħra barra minn Malta. L-MEP Peter Agius qali li dan huwa umiljazzjoni għas-settur edukattiv kollu f’Malta. Agius sejjaħ il-Gvern biex minnufih jirranġa l-iżbalji amministrattivi u jiżgura li l-Awtoritá Maltija terġa’ tirreġistra għall-EQAR. Huwa wissa li jekk il-Gvern ma jiħux azzjoni immedjata qabel il-gradwazzjonijiet tal-Istudenti f’Settembru, l-entitajiet edukattivi Maltin ser ikollom jibdew proċeduri ta’ rikonoxximent ma’ awtoritajiet barranin b’mod li l-Awtorita Maltija tiġi bla skop.
“Fl-awtoritajiet u aġenziji f’pajjiżna hemm bosta uffiċjali li jaħdmu b’mod dedikat biex jagħtu servizz u jġibu l-benefiċċji tal-Ewropa f’pajjiżna. Huwa ħasra li mbagħad ikollok sitwazzjonijet bħal dawn li l-inkompetenza fit-tmexxija fil-livell politiku ttappan il-ħidma tajba ta’ tant nies dedikati u ttapan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.” temm Peter Agius.
//= $special ?>