Futbol Sport

Rio Ngumoha jsir l-iżgħar plejer ta’ Liverpool li qatt skorja fil-Premier League

Rio Ngumoha, sar l-iżgħar plejer ta' Liverpool li qatt skorja fil-Premier League
Rio Ngumoha, sar l-iżgħar plejer ta' Liverpool li qatt skorja fil-Premier League

Il-winger Rio Ngumoha, ilbieraħ kien il-protagonista ta’ Liverpool meta skorja l-gowl tar-rebħa kontra Newcaste United, għaxar minuti fuq id-90 minuta.

Bil-gowl ta’ Ngumoha, Liverpool rebħu 3-2 f’match day 2 tal-Premier League Ingliż, iżda mhux biss. Ngumoha sar l-iżgħar plejer ta’ Liverpool li qatt skorja fil-Premier League, fl-etá ta’ 16-il sena u 361 ġurnata. Qabel dan il-gowl, l-iżgħar plejer ta’ Liverpool li qatt skorja fil-Kampjonat Ingliż kien Ben Woodburn, fl-etá ta’ 17-il sena u 45 ġurnata.

Interessanti l-fatt li Ngumoha rrnexxilu jidħol fil-klassifika tal-iżgħar ħames plejers li sal-lum skorjaw fil-Premier League Ingliż. Skont l-istatistika miġbura, bil-gowl drammatiku kontra Newcastle United, illum Ngumoha hu r-raba’ l-iżgħar plejer li qatt skorja gowl fl-istorja tal-Premier League.

Attwalment fl-ewwel post ta’ din il-klassifika, tal-iżgħar skorer ta’ kull żmien, fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Ingliż, hemm James Vaughan. L-attakkant ta’ Everton kien skorja fid-debutt tiegħu f’Goodison Park, f’konfront kontra Crystal Palace, fl-etá ta’ 16-il sena u 270 ġurnata. Fil-ġurnata, Everton kienu rebħu 4-0, nhar l-10 ta’ April 2005.

It-tieni l-iżgħar plejer li sal-lum skorja fil-Premier League Ingliż, hu James Milner. Il-midfielder ta’ Leeds United kien skorja fir-rebħa ta’ 2-1 kontra Sunderland, biex kiser ir-rekord ta’ Wayne Rooney, li ftit tal-ġimgħat biss qabel dan il-gowl, kien daħal f’din il-klassifika b’gowl ma’ Everton.

Milner kien skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Premier League Ingliż, nhar is-26 ta’ Diċembru 2002, fl-etá ta’ 16-il sena u 356 ġurnata. B’hekk Milner kien kisrer ir-rekord fl-etá ta’ Rooney, bi tlett ijiem biss.

Fl-istess staġun, nhar id-19 ta ’Ottubru 2002, Rooney kien skorja għall-ewwel darba fil-Premier League, b’konklużjoni mil-isbaħ u mid-distanza kontra Arsenal. Rooney skorja dan il-gowl, ftit jiem biss qabel ma kien se jagħlaq is-17-il sena, fl-etá ta’ 16-il sena u 360 ġurnata.

Fir-raba’ post ta’ din il-klassifika issa hemm Rio Ngumoha. Il-gowl tal-internazzjonali Ingliż ta’ taħt is-17-il sena rebaħ post l-internazzjonali Spanjol, Cesc Fabregas li kien skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Premier League meta kien plejer ta’ Arsenal, fir-rebħa ta’ 3-0 kontra Blackburn Rovers, nhar il-25 ta’ Awwissu 2004.

Meta skorja dan il-gowl, Fabregas kellu 17-il sena u 113-il ġurnata. Bil-gowl tal-bieraħ, li Rio Ngumoha skorja għal Liverpool, fir-rebħa ta’ 3-2 kontra Newcastle United, Fabregas issa niżel fil-ħames post ta’ din il-klassifika tal-iżgħar plejers ta’ kull żmien, li skorjaw l-ewwel gowl tagħhom fil-Premier League.