Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq vjolenza domestika fil-konfront tas-sieħba tiegħu

Velimor Markovic, raġel ta’ 40 sena mis-Serbja u residenti Tas-Sliema, ingħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn wara li ammetta li kkaġuna ġrieħi ħfief u biża’ ta’ vjolenza fuq is-sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Maltija.

Il-każ seħħ fil-lejl tal-23 ta’ Awwissu meta l-vittma marret mal-ħabiba tagħha għall-festa f’Tas-Sliema biex tara n-nar tal-art. Għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu – Markovic talabha tmur id-dar u tkellmu. Dak il-ħin hu kien fil-gallarija.

Hemmhekk talabha l-mobile tagħha, u aċċettat, u hu nduna li kienet irċeviet messaġġ mingħand l-eks sieħeb tagħha – messaġġ li ma wieġbitx. Minkejja dan, Markovic ħass li kienet qed tittradih, u ta daqqa fuq saqajha, kissrilha l-mowbajl, u heddidha verbalment, inkluż b’theddid lejn membri tal-familja tagħha.

Wara dan l-inċident, il-vittma marret l-għassa ta’ Tas-Sliema u ġiet eżaminata f’ċentru tas-saħħa fejn ġiet iċċertifikata li kellha ġrieħi ħfief. Hija semmiet ukoll inċident ieħor aktar kmieni fix-xahar ta’ Awwissu fejn allegat li Markovic ħebb għaliha u weġġagħha f’għajnejha, iżda ma ppreżentat l-ebda ċertifikat mediku f’dak il-każ.

Fil-Qorti, Markovic ammetta wkoll li ikkawża ħsara fuq iPhone 16 li kien tal-vittma kif ukoll ħsara fuq laptop li kien ta’ ħaddiem tas-sieħba tiegħu – ħsara li tammonta għal aktar minn €250 iżda inqas minn €2,500.

Markovic, li ilu seba’ snin jgħix Malta u jaħdem bħala security, ammetta li uża forza, insulti, theddid u provokazzjoni, u li f’każ separat fis-17 ta’ Awwissu, wettaq attentat ta’ forza biex iweġġagħha u jdejjaqha. Huwa rrikonoxxa li bl-aġir tiegħu, qabeż il-limiti ta’ provokazzjoni.

Is-Serb mill-ewwel ammetta l-akkużi miġjubin kontrih, bil-Qorti tagħtih iċ-ċans biex jerġa’ jaħsibha, u hawn Markovic ikkonferma l-ammissjoni tiegħu. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt, qieset il-fatt li Markovic għandu kondotta nadifa. Madankollu l-Qorti qaltlu li lill-vittma jrid jinsiha.

“Terġax tiġi hawn, għax jekk tiġi l-Qorti, tispiċċa titlaq bil-manetti,” l-Maġistrat wissa lil Markovic. Minbarra s-sentenza sospiża, il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin, sabiex jipproteġi lill-vittma. Id-difiża talbet għal divjet fuq isem l-akkużat, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona, bil-Qorti ma tilqax it-talba. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef, filwaqt li l-akkużat ġie assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Julia Micallef Stafrace.