Futbol Sport

Teddy Teuma iweġġa’ l-hamstring

Teddy Teuma
Teddy Teuma

Il-midfielder internazzjonali Malti ta’ 31 sena, Teddy Teuma tilef l-aħħar partita li l-klabb tiegħu, Stade Reims kellu l-bieraħ, f’Ligue 2 fi Franza. Stade Reims tilfu 2-0, barra minn dahrom kontra Pau FC u Teuma weġġa’ ftit qabel il-partita , meta ġibed il-hamstring.

S’issa għadu mhux magħruf kemm hi gravi din l-injury u jekk Teuma huwiex se jkun disponibbli jew le sabiex jifforma parti mil-iskwadra ta’ Emilio De Leo.  Il-kowċ nazzjonali Malti mistenni ssejaħ il-lista ta’ plejers li se jkunu qed jiffurmaw parti mit-tim għaż-żewġ partiti li se tkun qed tilgħab Malta fil-bidu ta’ Settembru.

L-ewwel impenn ta’ Malta se jkun f’Kaunas kontra l-Litwanja, nhar il-Ħamis, 4 ta’ Settembru. Dan se jkun konfront validu minn Grupp G għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2026.

Ħames t’ijiem wara, Malta terġa’ tkun fl-azzjoni, din id-darba f’Ta’Qali u f’logħba ta’ ħbiberija kontra San Marino.

Hu mifhum li għal dawn iż-żewġ partiti, De Leo mistenni jinkludi fl-iskwadra Maltija uċuħ ġodda u t-tim se jkun kompost mill-akbar numru ta’ plejers li attwalment qed jilgħabu ma’ klabbs barranin. Fl-aħħar sejħiet De Leo ta wkoll spazju lil numru ta’ plejers żgħażagħ b’potenzjal tekniku importanti fosthom il-gowlkiper James Sissons, li għadu kif iffirma fl-Ingilterra mal-klabb ta’ Chesterfield u liż-żewġ plejers ta’ Valletta, Keyon Ewurum u Jake Azzopardi.

De Leo u l-bqija tal-istaff tekniku qed isegwu mil-viċin il-kundizzjoni fiżika tal-plejers disponibbli, iżda b’ċertezza Malta se jkollha barra lid-difensur, James Carragher li kmieni f’dan ix-xahar weġġa’ l-irkoppa f’partita minn League One tal-Ingilterra, mal-klabb tiegħu Wigan Athletic kontra Leyton Orient u jinsab indispost.

Għall-partiti ta’ kontra l-Litwanja u San Marino rispettivament, hu mistenni li nerġgħu naraw inkluż fit-tim nazzjonali lill-winger offensiv li jilgħab ma’ FC Sion, Ilyas Chouaref.