Lokali Qorti

Akkużat bi ħruq ta’ karozza f’Ħaż-Żabbar

Marlon Baldacchino ta’ 24 sena residenti Ħaż-Żabbar tressaq il-Qorti akkużat li fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu 2025, fi Triq iċ-Ċimiterju fl-istess lokalità kien involut f’sensiela ta’ atti kriminali serji relatati ma’ ħruq intenzjonat ta’ vettura f’Ħaż-Żabbar.

Skont l-akkuża, Baldacchino ta n-nar b’mod volontarju lil vettura u proprjetajiet oħra fl-10 ta’ Awwissu li għadda, mingħajr ma kien hemm persuni ġewwa jew fil-periklu immedjat, iżda b’konsegwenzi serji għal diversi individwi u entitajiet, fosthom koppja u raġel.

Il-prosekuzzjoni spjegat li Baldacchino kkaġuna ħsarat estensivi li jaqbżu t-€2,500, inkluż ħruq ta’ karozza tal-għamla Suzuki. Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-bon ordni pubbliku, saq vettura bla liċenzja, waqt li kien diġà skwalifikat milli jsuq, u uża vettura mingħajr polza ta’ assigurazzjoni valida.

L-akkużat, li kien qiegħed taħt kundizzjonijiet ta’ pleġġ relatati ma’ każijiet oħra pendenti, allegatament naqas milli jħarishom. L-istess kundizzjonijiet kienu ġew imposti b’digrieti tal-Qorti Kriminali fl-2022 u tal-Qorti tal-Maġistrati fl-2019 u l-2018.

B’konsegwenza ta’ dan, il-prosekuzzjoni talbet ir-revoka tal-ħelsien mill-arrest, l-arrest mill-ġdid ta’ Baldacchino, kif ukoll il-konfiska tal-garanzija li kienet ingħatat bħala parti mill-pleġġ. Il-Qorti intalbet tordna skwalifika tas-sewqan, toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi u tapplika l-pieni kollha previsti mil-liġi kriminali għall-gravità tar-reati.

Marlon Baldacchino qed jiffaċċja wkoll il-possibbiltà li jiġi meqjus bħala reċidiv, peress li għandu kundanni preċedenti li saru finali u li ma jistgħux jiġu kkontestati. L-Avukat Franco Debono għamel talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-każ li hu u li mhux ta’ min jafdah u dan ma bħalissa qed jibbenifika minn tliet ħelsien mill-arrest oħra. Hemm il-biża ukoll ta’ kontaminazzjoni tal-provi fejn is-sidien li huma l-allegati vittmi għad iridu jixhdu.

Id-difiża qalet li dwar il-biża huwa argument fl-arja. Tenniet li kieku fuq il-biża’ ħadd ma jingħata l-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Debono qal li wieħed irid jikkwantifika x’inhi l-biża’. Qal li l-klijenti għandu mpieg fiss u li minkejja li l-fedina penali tiegħu vera mhijiex netta, imma mhijiex estrema.

Huwa saħaq li waħda mill-kundizzjonijiet għandha tkun jinħatar uffiċjal tal-probation biex isegwih. Jekk le, dan ikun ifisser ksur tal-kundizzjonijiet. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo qalet li minħabba l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi u li għad iridu jixhdu l-vittmi, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Għal Baldacchono deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Shaun Pawney, Francesca Maria Calleja u l-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.