Lokali

Appell għal azzjonijiet favur il-Palestinjani

L-Ewropa ma tistax tibqa’ fis-silenzju, ma tistax tibqa’ wieqfa quddiem dawn l-atroċitajiet li qed iseħħu fil-Medda ta’ Gaza – ix-xewqa ta’ Netanyahu għall-espansjoni ta’ Iżrael hija inkwetanti – quddiem l-imwiet u t-tbatija li qed jgħaddu minnha t-tfal ma nistgħux nibqgħu gallarija.

Sostnew dan il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca flimkien mal-Eks Deputat Prim Ministru u eks Membru Parlamentari Ewropew Louis Grech meta preżentaw ittra f’Dar l-Ewropa fl-isfond tal-aħħar rapporti li ħerġin minn Gaza.

F’ittra indirizzata lill-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea – huma appellaw sabiex jaġixxu b’mod deċiż favur il-ġustizzja, il-paċi u l-umanità fil-Palestina. Fost l-oħrajn sabiex jgħarfu lill-Palestina bħala stat, li jitolbu u jaħdmu favur waqfien mill-ġlied permanenti, u li jiżguraw li jkun hemm biżżejjed aċċess għal ikel, ilma, mediċina u fuel għal Palestinjani.

Dan filwaqt li appellaw sabiex l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi li jiffurmawha jieqfu jesportaw armi u teknoloġija lejn Iżrael – fatti li qed jikkontribwixxu għal ksur tal-liġjiet internazzjonli.

Mistoqsija mill-ġurnalisti preżenti, huma appellaw lill-gvernijiet sabiex jikkundannaw b’mod kollettiv l-attakki tal-Iżraeljani li mhux biss qed iwasslu għall-imwiet taċ-ċivili iżda anke ta’ ġurnalisti, cameramen, membri tal-media, tobba u infermieri li qiegħdin fuq xogħlhom jirrapportaw jew jgħinu l-midruba.

Huma insistew li s-silenzju mhux diplomazija, u l-indifferenza hija indifensibbli.

Fl-aħħar jiem anke l-IĠM insista li l-Gvern Malti għandu jikkundanna dawn l-attakki, li ħallew anke ġurnalisti maqtula.