Mhux jien impjegajtu imma Keith Azzopardi Tanti.
Fi kliem sempliċi hekk qal lill-ġurnalisti l-Ministru Clifton Grima li farfar għal kollox is-saga ta’ Chris Cardona fuq is-Segretarju Parlamentari sieħbu. Dan meta l-Eks Ministru jinsab impjegat bħala person of trust, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-kotba tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, ċioè l-Ministeru responsabbli minnu Clifton Grima.
Bil-paga kumplessiva ta’ madwar €37,000, Cardona mhux qed jaqlagħha biss għall-fatt li huwa espert, jew biex jikteb sempliċi diskorsi lil Azzopardi Tanti… iżda kollox qed jindika li l-Eks Sindku Tal-Pietà għandu bżonn palata fuq it-tminn distrett.
Sorsi qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista spjegaw kemm mal-ġurnal Times of Malta kif ukoll ma’ Net News li filwaqt li parti minn Birkirkara se tiġi tagħmel parti mill-ewwel distrett, li minnu fl-aħħar elezzjoni ġenerali Azzopardi Tanti kien elett, dan tal-aħħar qed jipponta biex jikkontesta wkoll fuq it-8 distrett stess, ċioè Birkirkara kollha.
Propju Chris Cardona kien elett minn dan id-distrett sitt darbiet u għalhekk jista’ jagħtih palata sew. Minkejja dan, kelliema għal Azzopardi Tanti spjegaw mat-Times li l-Eks Ministru ngħata position of trust għall-għarfien tiegħu fl-innovazzjoni u riċerka.
Iżda Azzopardi Tanti mhux qed jiċħad li fi ħsiebu jikkontesta fuq it-8 distrett u aktar minn hekk, li jrid jaħtaf il-voti li kien jakkwista Cardona.
Lura f’Lulju li għadda, Azzopardi Tanti ppubblika ritratt ma’ Chris Cardona fuq il-midja soċjali tiegħu fejn iddeskrivih bħala ġentlom fil-politika.
Din l-istorja kollha faqqgħet wara li sar magħruf li fi Frar ta’ din is-sena Chris Cardona ngħata impjieg fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni bħala position of trust b’paga kumplessiva ta’ €37,000, li tinkludi €20,000 bonus tal-expertise li għandu, aktar minn €4,000 spejjeż tal-karozza, u paga bażika ta’ €11,000 għal xogħol minimu ta’ 10 sigħat fil-gimgħa.
Dan wara li Cardona kellu jirriżennja minn Ministru u minn Deputat Mexxej Laburista lura fl-2019 qalb il-kriżi politika li l-Gvern kien inħakem biha bl-arrest tan-negozjant Yorgen Fenech, l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-allegazzjonijiet li bihom kien imdawwar l-istess Cardona.
//= $special ?>