Lokali Qorti

Il-Bulgara tammetti fil-Qorti li tajjret Pollakk – Kellhom jelevaw il-karozza biex joħorġu lill-vittma minn taħta

Quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici – Yoana Valentinova Gatt, Bulgara ta’ 44 sena u residenti Malta ammettiet li fis-17 ta’ Awwissu ikkaġunat ġrieħi gravi fuq il-Belġjan Stephane Paul C Vegh meta tajjritu bil-karozza tagħha waqt li kien qed isuq il-mutur. Hi ammettiet ukoll li wettqet dan ir-reat meta kienet taħt l-effett tal-alkoħol.

Gatt iżda ma ammettietx li wettqet dan ir-reat meta kienet qed issuq b’mod irresponsabbli. Numru ta’ xhieda qalu wkoll fil-Qorti li ħamest irġiel kellhom jelevaw il-karozza biex joħorġu lil Vegh minn taħta. Il-vittma fortunatament m’għadux fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u għadu miżmum l-isptar għal iktar kura.

L-inċident kien seħħ fi Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq fejn il-mara kienet qed issuq Toyota meta laqtet minn wara mutur misjuq mill-Belġjan ta’ 53 sena, li spiċċa maqbud taħt il-karozza u ġarrab ġrieħi serji li poġġewh fil-periklu tal-mewt.

Xhieda fuq il-post irrakkuntaw kif ħamest irġiel kellhom jerfgħu l-vettura minn fuqu u tawh l-ewwel għajnuna sakemm waslet l-ambulanza. Il-prosekuzzjoni qalet li testijiet fuq il-post ikkonfermaw li l-Bulgara kienet qed issuq taħt l-influwenza tal-alkoħol b’livell ta’ 124.9 mikrogrammi għal kull 100 millilitra ta’ nifs, kważi sitt darbiet aktar mil-limitu legali ta’ 22 mikrogramma.

Meta bdiet il-kumpilazzjoni d-difiża nfurmat lill-Qorti li l-mara kienet se tammetti akkużi ta’ feriti gravi. L-Ispettur Nathan Bugeja spjega li l-mara ammettiet li kienet qed issuq u li kienet ikkunsmat xorb qabel qabdet issuq, filwaqt li s-surġent Damian Galea xhed dwar il-breathalyser test u ppreżenta wkoll filmati mill-bodycam tiegħu.

Galea ukoll ikkonferma li l-livelli ta’ alkoħol fuq il-mara kienu għoljin ħafna. Diversi xhieda, fosthom Matthew u Christina Bianco, ikkonfermaw li raw lill-vittma taħt il-karozza u rrakkuntaw kif marru jgħinuh. Matthew Bianco rrakkonta kif nhar il-Ħadd 17 ta’ Awwissu kien qiegħed f’taxi Bolt nieżel lejn Baħar iċ-Ċagħaq meta nnota karozza żgħira ħamra tat-tip Toyota u mutur, u ra raġel maqbud taħt il-vettura.

Bianco, li għandu taħriġ fl-ewwel għajnuna, niżel mill-karozza flimkien ma’ martu biex jagħtu l-għajnuna. Huwa qal li kien hemm madwar ħamest irġiel li flimkien irnexxielhom jerfgħu l-karozza, li kienet għadha mixgħula, u li parti minnha kienet fuq sider il-vittma.

Fuq il-post kien hemm mara bjonda li qaltlu: “Ma nafx minn fejn ħareġ” u li kellha lit-tfal tagħha magħha fil-karozza; Bianco identifikaha fil-qorti bħala l-imputata. Ix-xhud spjega li l-vittma kellu qatgħat fuq driegħu tax-xellug u kien qed jieħu n-nifs b’diffikultà, iżda hu u martu komplew jagħtuh l-assistenza sakemm waslet l-ambulanza li ħadet f’idejha l-kura medika.

Martu, Christina Bianco, ikkonfermat dan meta xehdet wara. Hi qalet li meta waslu fil-post raw karozza u mutur mal-art u niżlu jgħinu, fejn kien hemm ukoll nies oħra li kienu diġà miġbura. Hija spjegat li sabet lill-vittma fuq dahru u jtieħed nifs b’diffikultà u li anke kellha konverżazzjoni mal-imputata, iżda rrimarkat li kienet waslet wara li l-inċident kien diġà seħħ.

Ix-xhud Jamie Zammit sostna li l-imputata ma kinitx qed issuq b’veloċità eċċessiva. Tenna li kien qed isuq eżatt warajha. Gatt, li hija’ single mother’, kienet diġà tilfet il-liċenzja tas-sewqan fil-Bulgarija fl-2014 wara każ ieħor ta’ sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol, għalkemm bħalissa għandha liċenzja valida.

Il-Qorti ddikjarat li l-imputata ammettiet l-akkużi kollha kontrinha ħlief dik ta’ ‘reckless driving’, li għaliha baqħet tippersisti fil-pożizzjoni ta’ mhux ħatja. Il-Maġistrat Agius Bonnici nforma lill-akkużata li l-piena massima tal-akkużi li kienet qed tiffaċċa huma ta’ bejn sitt xhur u sena ħabs u għalhekk talabha biex tkun ċerta dwar l-ammissjoni tagħha. Hija kkonfermat li kienet qed tammetti.

Joseph Paul Scerri kien ġie maħtur mill-Maġistrat inkwerenti sabiex jiġbor il-footage tal-CCTV relatat mal-inċident. Huwa qal fil-qorti li kien ingħata mobile phone iżda ma kellux il-password tiegħu, u għaldaqstant ma setax jara jew jakkessa l-kontenut tiegħu.

F’dan il-kuntest, il-Maġistrat ordna lill-Ispettur responsabbli sabiex jipprovdi kopja tal-inkjesta biex tkun tista’ tiġi eżaminata. Fl-aħħar saret talba għall-ħelsien mill-arrest li sabet oppożizzjoni mill-prosekuzzjoni. Il-Qorti qalet li se tieħu deċiżjoni dwar dan nhar il-Ġimgħa, sadanittant se tinżamm arrestata, anke minħabba biża’ li titlaq mill-pajjiż.

Dan għaliex il-prosekuzzjoni hija nfurmata li ta’ Identità qalu li hemm passaport li jiskadi fl-2029, anke jekk Gatt qed tgħid li għandha biss karta tal-Identità. Il-Ġimgħa għandu jinġieb rappreżentat ta’ Identità biex jixhed dwar dan. Għal mara qed tidher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Nadya Fiott.