Lokali

Jivvutaw 15% fl-ewwel jum ta’ votazzjoni bikrija fl-elezzjoni għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista

Il-votazzjoni tkompli s-Sibt li ġej 30 ta’ Awwissu waqt li l-aħħar sessjoni tal-Konvenzjoni Ġenerali titlaqqa’ s-Sibt ta’ wara, 6 ta’ Settembru.

Fl-ewwel ġurnata ta’ votazzjoni bikrija fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista llum l-Erbgħa 27 ta’ Awwissu vvutaw 15% tat-tesserati eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni. It-total ta’ votanti eliġibbli jammonta għal madwar 20,600.

Dan tħabbar miċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, Rekord u Data tal-Partit Nazzjonalista Mario Callus fejn spjega li f’dan l-ewwel jum ta’ votazzjoni f’din l-elezzjoni, it-tesserati bid-dritt tal-vot setgħu jitfgħu l-vot tagħhom bejn l-4pm u d-9pm fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Malta, u bejn l-4pm u t-8pm fis-Sub Hdqs tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat, Għawdex.

Il-votazzjoni fetħet wara li l-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Mark Anthony Sammut iddikjara miftuħa l-Konvenzjoni Ġenerali tat-tesserati li matulha se jinħatar il-Kap il-ġdid tal-PN kif jipprovdi l-Istatut.

Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN tfakkar li l-votazzjoni bikrija issa tkompli nhar is-Sibt li ġej 30 ta’ Awwissu, bl-aħħar sessjoni tal-Konvenzjoni titlaqqa’ s-Sibt 6 ta’ Settembru, li huwa l-jum proprju tal-votazzjoni.

Id-dati, ħinijiet u postijiet tal-votazzjoni li jmiss f’din l-elezzjoni huma kif ġej:

Is-Sibt 30 ta’ Awwissu 2025
It-tieni jum tal-votazzjoni bikrija
Malta: Dar Ċentrali PN bejn id-9am u s-7pm
Għawdex: Sub-Hdqs tal-PN f’Ta’ Sannat bejn id-9am u l-5pm

Is-Sibt 6 ta’ Settembru 2025
Jum l-elezzjoni
Malta: Dar Ċentrali PN u Każini PN Safi, Tarxien u Mġarr bejn id-9am u s-7pm
Għawdex: Sub-Hdqs tal-PN f’Ta’ Sannat bejn id-9am u l-5pm

Kull tesserat eliġibbli biex jivvota jista’ jagħżel hu l-ġurnata u l-post tal-votazzjoni fejn jixtieq jitfa’ l-vot tiegħu, sew f’Malta kif ukoll f’Għawdex, mingħajr il-ħtieġa ta’ avviż minn qabel f’każ li jkun se jivvota qabel il-ġurnata proprja.

Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar li dawk eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni huma l-membri tal-PN li aġġornaw it-tessera tagħhom skont kif stabbilit fl-Istatut u fir-Regolamenti sa għaxart ijiem qabel jum l-elezzjoni, jiġifieri sal-lum f’nofsinhar.

Kull min għandu d-dritt tal-vot irid jieħu miegħu l-karta tal-identità maċ-Ċertifikat tal-Vot li ntbagħat fid-djar fil-jiem li għaddew. Dawk li aġġornaw it-tessera tagħhom bejn nhar it-Tnejn u llum f’nofsinhar u se jivvutaw is-Sibt li ġej 30 ta’ Awwissu, ikunu jistgħu jiġbru ċ-Ċertifikat tal-Vot dakinhar stess, qabel jivvutaw.

Din l-elezzjoni qed tkun ikkontestata minn Alex Borg u Adrian Delia li tefgħu n-nominazzjoni tagħhom wara li għaddew mill-proċess ta’ verifika mmexxi mill-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista fil-ġimgħat li għaddew.