Lokali Qorti

Kolumbjana mixlija li serqet €16,000 fi flus kontanti minn ‘kiosk’ fejn kienet taħdem

Il-Qorti tal-Maġistrati semgħet il-każ kriminali kontra Valeria Danna Gallego Millan, tfajla ta’ 26 sena ta’ nazzjonalità Kolombjana, li ġiet akkużata li wettqet diversi serqiet bejn ix-xhur ta’ Mejju u Awwissu 2025 minn ‘kiosk’ li jinsab fi Triq ix-Xatt, Tas-Sliema, il-post tax-xogħol fejn kienet taħdem il-Kolumbjana.

Is-sid qed jgħid li kienu misruqa lilu s-somma ta’ €16,000 fi flus kontanti. L-akkużi jgħidu li l-fatti attribwiti lil Gallego Millan jinkludu serq ta’ flus kontanti, fejn allegatament dan is-serq huwa wieħed aggravat b’valur totali li jaqbeż is-somma ta’ €2,329.37.

Is-somma ġiet ikkalkulata bħala l-ammont ta’ dannu kkawżat lill-persuna offiża, kif ukoll possibbilment lil entitajiet oħra. L-atti indikaw ukoll li l-akkużata għandha d-dokumenti ta’ identifikazzjoni Kolombjani u kienet qiegħda tirresjedi f’San Ġwann.

Mal-Pulizija l-akkużata ammettiet li ħadet xi flus, imma hi semmiet is-somma ta’ €1,500 fi flus kontanti fejn ċaħdet bil-qawwa kollha li serqet €16,000. Hi wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo.

L-Avukat tal-għajnuna legali Victor Bugeja informa lill-Qorti li ma kienx qed jagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju u għalhekk hija nżammet taħt arrest għall-proċeduri ulterjuri fil-Qorti.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Luigi Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li kien megħjun mill-Ispettur Ian Azzopardi.