L-apoloġija nofs-qalb li wassal il-Viċi Sindku tal-Labour fl-Imqabba wara l-kumment sessist li għamel fuq il-midja soċjali, jidher li hija biżejjed għall-Partit Laburista.
Iddikjarat dan il-MaltaToday, meta fl-editorjal spjegat illi għall-Partit Laburista din l-apoloġija sfurzata li għamel Jonathan Dingli permezz ta’ Facebook hija biżejjed. Dan wara li b’mod pubbliku – Dingli qabbel lill-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ma’ mara li tħobb tisawwat.
L-editorjal, jispjega illi meta tkellmu mad-Deputat Mexxej tal-Labour u l-MEP Laburista Alex Agius Saliba – surrealment – huwa tenna illi minkejja li – skont hu – dan il-kumment ma jirriflettix il-valuri tal-Partit Laburista, l-apoloġija hija biżejjed. U għaldaqstant mhux se tkun qed tittieħed azzjoni kontra Dingli.
Jonathan Dingli kien sfurzat jagħmel – dak li skont hu – sejjaħ apoloġija fuq il-midja soċjali. U ftit wara, stqarr ukoll li se jkun qed jagħti paga ta’ xahrejn ta’ Viċi Sindku lil NGO li tgħin lil dawk li jgħaddu minn vjolenza domestika – cioè, ftit aktar minn 400 ewro.
Dan il-kumment xokkanti, qanqal diversi reazzjonijiet – fosthom anke mil-Lobby tan-Nisa li fi stqarrija iddikjaraw illi l-Partit Laburista qed jiġġustifika l-indifensibbli, bl-iskuża li kliemu kienu metafora. Fejn anke insistew sabiex il-Labour ikeċċi immedjatament lill-Viċi Sindku tal-Imqabba. Dan hekk kif huma spjegaw li l-mexxejja ta’ pajjiżna għadhom jaħtu eżempju ċar u juru li pajjiżna għandu tolleranza zero għall-vjolenza domestika.
Intant, anke n-Nisa Laburisti esprimew id-dispjaċir tagħhom dwar il-kliem ta’ Jonathan Dingli, u li ddeskrivew dan il-kliem bħala kliem inġustifikabbli. Iżda xorta, il-Labour ma għamel xejn. U żammu Viċi Sindku.
//= $special ?>