Lokali

L-ewwel votazzjoni fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u f’Ta’ Sannat Għawdex

Ritratt: Martin Agius

Ftit tal-minuti ilu ngħata bidu għall-ewwel ġurnata tal-votazzjoni ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Dan wara li f’nofsinhar għalaq il-perjodu tat-tesserament għal dawk li riedu jġeddu s-sħubija biex jikkwalifikaw għal din il-votazzjoni.

L-early voting infetaħ mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali Charles Bonello u ċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali Mario Callus.

Mark Anthony Sammut kien minn tal-ewwel li xeħet il-vot tiegħu. U qabel infetħet il-votazzjoni, irringrazzja liż-żewġ kandidati li ressqu ‘l quddiem u li mexxew kampanja pożittiva.

Il-President tal-Kunsill Ġenerali appell lit-tesserati biex jipparteċipaw f’dan il-proċess u jiktbu l-paġna li jmiss tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN fakkret li l-votazzjoni bikrija se tkompli nhar is-Sibt li ġej. Bl-aħħar sessjoni tal-Konvenzjoni titlaqqa’ s-Sibt 6 ta’ Settembru, li huwa l-jum proprju tal-votazzjoni.

Kif jipprovdi l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, il-Kummissjoni Elettorali qed torganizza l-votazzjonijiet bikrija ta’ din il-ġimgħa għal dawk il-membri li għal xi raġuni ma jistgħux jivvutaw fil-jum proprju tal-votazzjoni.

Madanakollu, kull tesserat eliġibbli biex jivvota jista’ jagħżel hu l-ġurnata u l-post tal-votazzjoni fejn jixtieq jitfa’ l-vot tiegħu, sew f’Malta kif ukoll f’Għawdex, mingħajr il-ħtieġa ta’ avviż minn qabel f’każ li jkun se jivvota f’xi waħda mill-ġranet tal-votazzjoni bikrija.

Kull min għandu d-dritt tal-vot, irid jieħu miegħu l-karta tal-identità maċ-Ċertifikat tal-Vot li ntbagħat fid-djar fil-jiem li għaddew.

Din l-elezzjoni qed tkun ikkontestata minn Alex Borg u Adrian Delia li tefgħu n-nominazzjoni tagħhom wara li għaddew mill-proċess ta’ verifika mmexxi mill-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista fil-ġimgħat li għaddew.