Internazzjonali

L-Ukrajna: Avvanzi tar-Russi f’Dnipropetrovsk

Il-qawwiet tal-Ukrajna qed iħejju l-kontro-miżuri wara li l-armata tar-Russja avvanzat lejn ir-reġjun industrijali ta’ Dnipro… fejn, għal żmien pruvaw iwaqqfu bażijiet minn fejn setgħu jkomplu bl-avvanzi lejn bnadi oħra tal-pajjiż li għadhom ma waqgħux taħt l-okkupazzjoni tal-Kremlin.

Il-kelliema għall-militar Ukren ikkonfermaw dawn l-avvanzi u qalu li l-attakk tar-Russi kien l-ewwel tax-xorta tiegħu fuq skala hekk kbira fir-reġjun inkwistjoni li jinsab fil-Lvant tal-Ukrajna.

Madankollu, il-Ġenerali u l-istrateġisti militari Ukreni, fl-aħħar sigħat, enfasizzaw li t-truppi tagħhom irnexxielhom iwaqqfu l-intensità tal-avvanzi tar-Russi – b’Moska, għall-kuntrarju, qed titkellem dwar suċċessi sinifikanti f’din il-gwerra li ilha minn Frar tal-2022.

Ir-Russja ilha s-sajf  kollu tibgħat messaġġi li kienet qrib li tieħu diversi zoni ta’ Dnipro – waqt li l-qawwiet tagħha kienu qed jużaw ir-reġjun ta’ Donetsk biex  jinfiltraw f’artijiet oħra tal-Ukrajna.

Intant, fl-aħħar sigħat, numru ta’ sorsi żvelaw li t-truppi tar-Russja kienu qed jokkupaw il-villaġġi ta’ Zaporizke u Novohryhorivka li jinsabu biss ftit kilometri ‘l ġewwa fir-reġjun ta’ Dnipro.

Iżda l-Kapijiet ewlenin tal-Armata Ukrena ma damux biex ċaħdu dan – fost l-istqarrijiet li l-militar tal-Ukranja kien għadu fil-kontroll ta’ Zaporizke.

Min-naħa tagħha, Kaja Kallas, l-Uffiċjal Ewlieni responsabbli mill-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea, wissiet biex l-Istati tal-Punent ma jċedux għat-talbiet tar-Russja biex tingħata t-territorju tal-Ukrajna bħala kundizzjoni għall-paċi.