Opinjoni

OPINJONI: Id-dibattitu li nixtiequ naraw jiżvolġi

Joe M. Zahra
President
tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN)

Il-familja, is-sigurtà soċjali, il-Fondi Ewropej huma kollha oqsma li jinteressaw mill-qrib lill-Maltin u l-Għawdxin kollha… inklużi lilna l-anzjani.
Il-familja tibqa’ l-perm tas-soċjetà Maltija. Fejn dan il-perm qed jixxellef qed naraw ir-riżultati negattivi tiegħu: iżjed suwiċidji, iżjed droga, iżjed serq, iżjed atti kriminali.
Il-familja Maltija m’għadhiex dik li kienet. Bejn għaliex il-ħajja mgħaġġla tal-lum ftit għadha tħalli ħin biex il-familji jiltaqgħu flimkien u anke għaliex darba il-familja ċkienet m’għadx hemm dik l-attenzjoni, speċjalment lejn l-anzjani li kien hemm qabel.
Dawn m’għadhomx jagħtu kas tagħhom kif kienu fl-imgħoddi. Dan qed jirriżulta f’mijiet ta’ anzjani jispiċċaw f’care homes, dejjem jekk jinstabilhom post, għaliex uliedhom ma jkunux għad baqgħalhom il-ħin biex jieħdu ħsiebhom.
Is-sigurtà soċjali, anke jekk suppost qegħda hemm biex takkumpanjana mit-twelid sal-mewt naturali tagħna, fiha diversi lakuni li jmorru kontra l-istess pedamenti li fuqhom suppost qed tinbena din is-soċjetà.
Fil-każ tagħna l-anzjani qed inqisu li l-Gvern fl-aħħar erba’ snin daħħal iktar mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali milli ħareġ f’benefiċċji kontributorji u mhumiex.
Dan ikompli jwassalna biex inqisu l-importanza għall-fond tal-pensjonijiet fejn il-kontribuzzjonijiet li jitħallsu mill-ħaddiema jmorru għall-pensjonijiet biss ta’ kull xorta b’dak li jibqa’ wara li jitħallsu l-pensjonijiet u ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja jmorru f’fond apposta, fejn dak li jibqa’ jiġi investit u minn dak li l-fond jaqla’ minn dan l-investiment jitqassam fost il-pensjonanti, kif jitqassmu d-dividendi minn flus investiti f’ishma.

Fondi Ewropej –proġetti kbar
Fl-aħħar għall-Fondi Ewropej. Permezz ta’ dawn il-fondi f’pajjiżna twettqu proġetti kbar. Il-proġett kontra l-għargħar li wassal biex ħafna lokalitajiet ma baqgħux jegħrqu wara xi maltempata.
Il-proġett għat-tisfija tad-drenaġġ fejn inbnew tliet impjanti biex jilqgħu fihom id-drenaġġ kollu li jissaffa qabel jintefa’ fil-baħar u hekk stajna ngawdu bajjiet indaf. L-interconnector, l-Isptar tal-Onkoloġija.
Dan tal-aħħar lilna l-anzjani jintessana mill-qrib. Iżda minħabba ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni jidher li dan m’għadux ilaħħaq mad-domanda ta’ dawk li jkunu jridu kura paljattiva kontra l-kanċer kif nista’ nixhed.
Minkejja l-attenzjoni kollha li morda terminali bil-kanċer jingħataw mill-istaff fl-Isptar Mater Dei, dan mhux attrezzat biex jagħti l-kura paljattiva meħtieġa. Dik il-kura joffriha l-Isptar tal-Onkoloġija li jidher li fih m’hemmx sodod biżżejjed.
Dawn huma kollha problemi li lilna l-anzjani jolqtuna mill-qrib ħafna. Dan hu d-dibattitu li aħna l-anzjani nixtiequ naraw jiżvolġi fil-pajjiż. Dibattitu dwar kif il-flus li nkunu investejna bħalha s-sehem tagħna mill-kontribuzzjonijiet għas-Sigurtà Soċjali; dibattitu kif nistgħu nużaw aħjar il-Fondi Ewropej fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-infrastruttura u mhux nisparpaljawhom.
Dwar dan kollu għandna nitkellmu u mhux iktar kliem vojt u ftaħir li qed iwassal biss biex nifqgħu l-Kaxxa ta’ Malta bid-djun li għada, pitgħada jridu jitħallsu.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 24  ta’ Awwissu, 2025