Opinjoni

OPINJONI: Meta l-gideb ma jkunx biżżejjed

minn Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Meta f’Novembru li għadda tressaq quddiem il-Kummissarju tal-Istandards ilment li jallega li jien bħala għalliem ma mmurx għax-xogħol imma nitħallas xorta, il-Partit Laburista, esponenti fi ħdanu u eluf ta’ partitarji fuq il-mezzi soċjali kundannawni kategorikament u tawni l-verdett: ħati.
Saħansitra, u għadu jtarrax f’widnejja, id-Deputati Laburisti inkluż membri tal-Kabinett, interrompewni kemm-il darba waqt id-diskors tiegħi tal-estimi tal-baġit f’Novembru bil-frażi, “aħjar tidħol għax-xogħol!”. Dakinhar weġibt biss: “Ejja nħallu lill-Kummissarju jinvestiga!”
Kont determinat li nħalli l-perkors tal-investigazzjoni biex eventwalment toħroġ il-verità, u l-verità ħarġet u l-Kummissarju għall-Istandards ma jsibnix ħati tal-allegazzjonijiet infondati u manipulattivi li ressaq Neville Gafà u li b’orkestrazzjoni kordinata kompla jrewwaħ il-Partit Laburista u l-esponenti tiegħu biex iħammġuni u jkissruni.
L-allegazzjonijiet kienu jmorru oltre milli ma mmurx għax-xogħol, imma li waqt li suppost qiegħed fuq il-post tax-xogħol, inkun qiegħed naqdi l-kostitwenza tiegħi. Tajjeb ngħidu, li din hija prassi li jagħmlu biss il-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela, li waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju, diversi ministri u segretarji parlamentari jkunu qed jaraw lil nieshom fl-uffiċċini distrettwali tagħhom.

Evidenza bla bażi u qarrieqa
Mela, biex nagħti kronoloġija tal-fatti: F’Novembru tal-2024 Neville Gafà gideb fuqi u ressaq ilment mal-Kummissarju u b’hekk skattat l-investigazzjoni. Gafà ntalab jgħaddi l-informazzjoni u l-evidenza li għandu biex jissostanzja l-ilment tiegħu, u eventwalment għadda ‘timesheet’ tal-firem ta’ Dipartiment li jien ma naħdimx fih, u li fuqha kien hemm ukoll ismi u kunjomi mingħajr l-ebda firma la darba jien impjegat fi skola u mhux f’Dipartiment.
Dan kien jikkonferma b’mod kategoriku li l-evidenza m’għandhiex bażi, hija qarrieqa u manipulattiva meta kien jaf tajjeb fejn jien impjegat.
Filfatt, nikkwota mir-rapport finali tal-Kummissarju, il-Kummissarju jikkunsidra li “Mill-provi preżentati f’dan il-każ, jidher filfatt li l-Onor. Schembri jattendi għax-xogħol u jiffirma ‘timesheet’ differenti għalkollox minn dik preżentata mill-ilmentatur, u għalhekk mhux minnu li l-Onor. Schembri ma jattendix għax-xogħol.”
Imbagħad ikompli: “Jirriżulta li teżisti sistema fil-prattika fejn l-Onor. Schembri jirrapporta lis-superjuri tiegħu meta se jkun assenti mix-xogħol għall-attivitajiet marbutin mal-irwol parlamentari tiegħu, jew għax-xogħol politiku tiegħu. Mid-dokumentazzjoni preżentata mill-Onor. Schembri, jidher illi għal dawk l-attivitajiet identifikati minn dan l-Uffiċċju bħala attivitajiet tal-kostitwenza fil-perjodu in eżami, l-Onor. Schembri kien talab ‘leave’ speċjali mingħand l-iskola fejn jaħdem.”
Il-Kummissarju jiċċara li: “Għandu jiġi ċċarat li fil-qasam tal-edukazzjoni, it-terminu “leave speċjali” jirreferi għal ‘leave’ meħud minn għalliem fil-ġranet tal-iskola. Kull għalliem għandu l-faċilità li jieħu numru ta’ ġranet ta’ ‘leave’ ta’ din ix-xorta. Dan ifisser li biex jattendi attivitajiet tal-kostitwenza, l-Onor. Schembri ħa ‘leave’ minn tiegħu, u la ngħata konċessjoni speċjali u lanqas inqeda bil-faċilità ta’ rilaxx mix-xogħol li hija intiża għad-dmirijiet parlamentari.”
Minn din id-dokumentazzjoni li qiegħed nippreżenta hawn fuq, meħuda mis-sezzjoni tal-‘Kunsiderazzjonijiet’ f’paġna 16 tar-rapport, jidher b’mod ċar u kategoriku li dejjem imxejt mal-obbligi tiegħi bħala impjegat tal-Gvern. Dan kollu jkompli jissostanzja dak li l-Kummissarju, nhar il-11 ta’ Lulju tal-2025 bagħat jinformani bih, u li ċioè jgħid hekk: “Mill-provi miġbura fil-perkors tal-investigazzjoni, is-sottoskritt (il-Kummissarju) ma jidhirlux li l-allegazzjonijiet fir-rigward tal-attendenza tiegħek kif indikata oriġinarjament fl-ilment ġiet sostnuta…”
Il-Kummissarju madankollu jikkonkludi billi jtenni r-rakkomandazzjonijiet magħmula erba’ snin u nofs ilu mill-Kummissarju għall-Istandards preċedenti biex fost l-oħrajn: “(b) jiġu introdotti mekkaniżmi biex id-dipartimenti u l-entitajiet pubbliċi li jħaddmu deputati parlamentari jkunu jistgħu jiżguraw li l-faċilità ta’ rilaxx mhix qed tiġi abbużata”.
Jidhirli li din ir-rakkomandazzjoni għandha tingħata widen biex ma jkunx hemm okkażjonijiet simili fil-futur. Irrid ngħid, li f’email li jien bgħatt f’Jannar ta’ din is-sena, lill-Ministru għall-Edukazzjoni, lis-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni, u lid-Direttur tal-HR u li fih nitlob direzzjoni ċara u bil-miktub biex ikun żgurat u ċċarat li qiegħed nimxi skont l-obbligi tiegħi bħala Membru Parlamentari li ma niksirx Direttiva 5 tal-PSMC (li tistipula r-rilaxx mix-xogħol), bqajt ma ħadtx tweġiba għal diversi ġimgħat sakemm finalment, bil-pressjoni tal-Kummissarju ngħatajt tweġiba vaga u kontradittorja.
Filfatt, il-Ministeru jimxi ma’ ċirkolari (maħruġa f’Settembru tal-2024) u li tikkontradixxi dak li jistipula l-PSMC li huwa l-manwal għal-‘leave’ speċjali għall-ħaddiema pubbliċi.

Inħares ’il quddiem
Finalment, inħares ’il quddiem u nittama li nħalli warajja allegazzjonijiet bħal dawn biex niffoka kompletament fuq il-ħidma parlamentari u distrettwali tiegħi hekk kif issa nibdew mill-ġdid nirrankaw.
Irrid nirringrazzja lill-pubbliku b’mod ġenerali li kellu reazzjoni pożittiva tassew għal din l-aħbar, u fuq kollox lill-‘partner’ tiegħi Annalise Galea li kienet dejjem hemm u li żammitni f’sikkti meta kważi tfarrakt, lil familti, lill-Kap tal-Partit Bernard Grech, lil Nathaniel Attard mill-PN, lil sħabi deputati (lil dawk li ħadu interess personali fil-każ) u lil dawk kollha li qatt ma ddubitaw minni. Finalment lil Dr David Bonello li assistieni legalment bl-aktar mod professjonali.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 27 ta’ Awwissu, 2025.