Albert Buttigieg
Shadow Minister għall-Familja
u s-Sigurtà Soċjali
Ilkoll nafu li din saret problema għal ħafna koppji żgħażagħ u għal oħrajn li jixtiequ li jkollhom fejn saqaf fejn jgħixu. Għaldaqsant, tajjeb li l-Gvern qiegħed jipprova jindirizza din id-diffikultà.
F’din l-iskema l-ġdida, il-Gvern qiegħed jagħti l-art lill-iżviluppaturi magħżulħa biex huma jibnu appartamenti. Din l-art kienet mogħtija lill-Gvern mill-Knisja.
Il-Gvern ser jagħti din l-art pubblika lil żviluppaturi billi jħallsu biss dak li jissejjaħ ‘ground rent’ (fuq kemm ġiet smata l-art) u wara li jibni l-appartmenti, jista’ jbiegħ dawn l-appartamenti b’rata kummerċjali imma bil-kundizzjoni li jagħti sussidju ta’ 30% fuq il-prezz kummerċjali.
Nemmen li din l-iskema fiha ħafna proċessi li jitfgħu dell tqil. U ngħid għaliex.
L-ewwel argument
L-ewwelnett, tajjeb li wieħed jgħid li għalkemm dan il-Gvern jipprova jagħti l-impressjoni li huwa l-unika Gvern li qiegħed jagħti l-għajnuna lill-koppji żgħażagħ jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, din hija impressjoni qarrieqa.
Ix-xemx ma telgħetx fl-2013! Matul s-snin ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista, kienet hemm diversi skemi ta’ għajnuna. Biżżejjed insemmi l-iskema HOS, fejn il-Gvern kien jagħti l-art b’xejn lill-koppji biex jibnu darhom fuqha. Fil-fatt, diversi terrace houses f’pajjiżna huma mibnija b’din l-iskema.
Skema oħra kienet fejn il-Gvern kien jibni numru ta’ maisonettes u appartamenti u mbagħad ibigħhom b’sussidju qawwi. Diversi huma dawk li xtraw darhom b’dan il-mod.
It-tieni argument
It-tieni osservazzjoni hi li b’din l-iskema, l-iżviluppatur ser ‘jiekol’ sew mis-sussidju li l-Gvern seta’ jagħti kieku bena huwa dawn l-appartamenti. Fil-fatt, l-iżviluppatur magħżul ser jagħmel profitt akbar milli kieku qiegħed jibni fil-privat!
Ilkoll nafu li llum il-ġurnata, hi l-art li tiswa aktar milli l-materjal biex wieħed jibni bih! Fil-fatt, huwa kalkolat li l-art fil-negozju privat tiswa l-iżviluppaturi madwar 60% mill-ispiża totali. Għaldaqstant, jekk f’din l-iskema l-iżviuppatur jrid jagħti 30% sussidju, ser jibqagħlu profitt sew għaliex l-art ġietlu b’xejn. Huwa vera li dan irid iħallas il-ground rent imma nafu li l-ground rent ser tgħaddi fuq min jixtri l-appartament?
Ħa nagħti eżempju biex wieħed ikollu idea aktar ċara.
■ L-art/arja ta’ kull appartament tiswa madwar €140,000
■ Bini u finishings jiswew madwar €110,000
■ Permessi, taxxa, periti jiswew madwar €10,000
■ Għall-iżviluppatur li mhux f’din l-iskema kieku kull appartamenti jiswieh madwar €260,000
■ Il-prezz kummerċjali għal żewġ bedroomed huwa madwar €320,000
■ Il-qligħ għall-iżviluppatur li mhux f’din l-iskema huwa ta’ madwar €60,000
Issa għall-iżvilappatur f’din l-iskema, fid-dawl li ma għandux spiża ta’ xiri tal-art, kull appartamenti ser jiswieh €120,000. Meta huwa ser ibigħ bil-prezz kummerċjali ta’ €320,000 u jagħti s-sussidju ta’ 30%, kull appartament jinbiegħ €224,000. Dan ifsser li ser jibqagħlu fil-but madwar €104,000!?
Jidher li l-Gvern ser ikun ġeneruż ma’ dawn l-iżviluppaturi magħżula għal din l-iskema! Kieku l-Gvern bena huwa stess, kieku dan il-profitt kien jgħaddih f’sussidju akbar!
It-tielet argument
It-tielet osservazzjoni hi dwar l-iżviluppaturi magħżula. Ma neħux bi kbira li għalkemm ħarġet l-expression of interest għal min irid jidħol f’din l-iskema, xi żviluppaturi huma diġà magħżula!
Iż-żmien mogħti biex wieħed jista’ japplika u jwassal id-diversi informazzjoni/data mitluba hi waħda qasira ħafna! Min jaħdem f’dan il-qasam jaf li biex wieħed jagħmel BOQs, studju, disinji u proposti jieħu ħafna ħin, aktar u aktar meta fis-sajf, diversi ħaddiema fl-uffiċċini jkunu bil-vaganzi!
Għaldaqstant, biex żviluppatur jagħti l-informazzjoni kollha meħtieġa, mhux xi ħaġa bi kbira li dawn ilhom mgħarrfa b’dan u allura kellhom iċ-ċans jippreparaw ruħhom. Dan mhux biss qiegħed ngħidu jien imma kien hemm diversi oħrajn li stqarru dan, fosthom l-MDA !
Sfortunatament, il-Ministru Roderick Galdes quddiem din il-kritika/dubji spiċċa jmur fuq il-midja Laburista u jinfexx jitgħajjar, anke personalment. Meta wieħed jagħmel dan ifisser li jinsab dahru mal-ħajt.
Mingħajr ma naqa’ baxx bħalu, nagħti risposta bil-fatti fuq numru ta’ kummenti li għadda. Fosthom kien hemm:
Li l-waiting list tal-Awtorità tad-Djar fi 2013 kienet l-akbar waħda fl-istorja tal-housing għaliex skontu kien hemm ’il fuq minn 3,500 fuq il-waiting list.
Dan huwa skorret. Fil-fatt, f’paġna 12 tar-Rapport Annwali tal-Awtorità tad-Djar wieħed isib li fl-2013 kien hemm 2,773. Issa, f’din il-lista kien hemm ukoll numru ta’ applikazzjonijiet ta’ exchange, jiġifieri li huma diġà għandhom post tal-Gvern imma jixtiequ jbiddlu minħabba li jinsabu fuq nett, il-post sar żgħir għal numru ta’ membri tal-familja jew jixtiequ jmorru f’lokalità oħra.
Għaldaqstant, din il-lista ma kenetx fake fejn ippuvajna nilagħbu bin-numri biex nuru lix-xemx telgħet magħna!
Tajjeb li ngħid li skont l-istess Rapport Annwali tal-Awtorità f’paġna 12, fi 2016, il-waiting list kienet 3,044. Min-naħa l-oħra, fi 2017, dejjem skont l-istess Rapport Annwali f’paġna 11, kienet ta’ 2,597!
Imma meta fl-2017 laħaq il-Ministru preżenti, sar bħal donnu ‘miraklu’ għaliex skont r-Rapport Annwali tal-2024, il-waiting list kienet ta’ 1,679! S’intendi hemm raġuni għal dan, fosthom:
a. Tneħħew mil-lista dawk li kellhom talba għal exchange u tpoġġew f’lista għalihom
b. Numru ta’ applikanti tneħħew minn fuq il-lista għaliex skont l-Awtorità ma baqgħux aktar eleġġibli.
c. Minħabba li ntużat l-iskema KIRI (issa, bl-isem Nikru biex nassistu)
Hawnhekk nixtieq ngħid li meta l-Partit Laburista u l-Ministru kienu fl-Oppożizzjoni u l-Awtorità kienet daħħlet din l-iskema, fejn l-Awtorità tikbri mingħand il-privat biex imbagħad b’sussidju qawwi ‘tikrih’ lill-applikanti tal-housing, il-Partit Laburita u l-Ministru stess kienu għamlu kruċjata kontra din l-iskema! Ma nafx x’ma qalux. Ma nafx kemm xewxu kontrija.
Issa, mhux biss saru favur tagħha imma saħansitra b’tant pompa jgħidu li din kienet waħda mir-raġunijiet li naqqset il-waiting list! Araw x’ipokresija politika! Fil-fatt, il-Ministru ħabbar li ser ikompli b’din l-iskema għaliex din diġà għenet lil 1,300 familja!
Mela jekk wieħed jara l-waiting list tal-2024 (li kienet ta’ 1,679) u wieħed iżid l-1,300 li bbenefikaw mill-iskema Kiri, il-lista tkun ta’ 2,979.
Dan ifisser li wara tnax-il sena fit-tmexxija u wara tant pompa tal-Gvern, il-lista tnaqqset grazzi għall-iskema li kien daħħal il-Gvern Nazzjonalista!
Kieku ma kienx hemm din l-iskema, kieku l-waiting list kienet tkun ta’ 2,979, jiġifieri aktar milli kienet fl-2013 ta’ 2,773!! U jekk wieħed iżid dawk li huma exchange, il-waiting list tkun aktar minn hekk!!
Il-Ministru qal li l-aħħar Gvern Nazzjonalista ma bena l-ebda appartamenti għall-first tme buyers jew għal social housing. Nistieden lill-Ministru jaqra ftit ir-Rapporti Annwali li jinsabu on line.
Dawn jinsabu on line wara li kont ġbidt l-attenzjoni li dawn ma kenux… forsi biex jaħbu l-informazzjoni? Nistiednu wkoll jara l-legal notice 75 u legal notice 76. F’dawn il-legal notices hemm bejniethom 240 appartament li kienu mibnija mill-Awtorità u ngħataw għall-bejgħ b’sussidju qawwi ta’ madwar 60% ! Dawn kienu jinsabu f’diversi lokalitajiet, fosthom Buġibba, Bumarrad, Naxxar, Pembroke, Mtarfa, Qawra u Marsaxlokk!
Konklużjoni
Nemmen li għalkemm din l-iskema għandha għan li tgħin lil dawk li jixtiequ jixtru l-ewwel dar tagħhom, u tajjeb li l-Gvern qiegħed jipprova jindirizza din id-diffikultà, nistqarr li kien ikun ferm u ferm aktar għaqli u transparenti li minflok il-Gvern għamel skema kumplikata u li fiha diversi dellijiet u xamma ta’ possibbilment inganni, bena hu stess dawn l-appartamenti u biegħhom bil-prezz li jiġuh.
Kieku għamel dan, is-sussidju kien ikun ferm akbar!
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 24 ta’ Awwissu, 2025
//= $special ?>