Matul l-aħħar jiem, dawk kollha li għandhom bżonn id-dialysis sabiex ikomplu jgħixu ħajjithom bl-aħjar mod li jistgħu, tpoġġew taħt piż enormi, hekk kif ir-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei tinsab iffullata mingħajr ebda slots ġodda sabiex tingħata din il-kura.
Fl-aħħar ġranet, il-lista ta’ pazjenti mingħajr appuntament sabiex jagħmlu dialysis telgħet għal aktar minn 14-il persuna, bil-ħin għall-appuntamenti dejjem jonqos.
Id-dialysis huwa proċess mediku li jieħu post il-funzjoni tal-kliewi. Il-proċess ikun jippermetti lill-kliewi jitnaddfu minn sustanzi tossiċi meta l-kliewi ma jifdlilhomx l-abbiltà li jagħmlu dan b’mod naturali.
Il-proċess li ġeneralment jieħu bejn 3 u 4 sigħat, isir ġieli anke 3 darbiet fil-ġimgħa. F’każ li l-pazjent li jkollu bżonn dan, ma jirċevix dan it-trattament, ikollu riskju li titpoġġa ħajjet il-pazjent f’periklu.
Kienu bosta il-pazjenti u infermieri li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet dwar din is-sitwazzjoni li xeħtithom taħt ħafna piż. Bl-infermar saħanistra jispjegaw li lanqas setgħu jibgħatu lill-pazjenti li kien imisshom id-dialysis fir-Renal Unit.
Minn naħa tagħhom, il-pazjenti spjegaw li kienu infurmati li fil-25 t’Awwissu, kien qed isir dialysis lill-pazjenti li kellhom jirċievu dan it-trattament lura fit-18 ta’ Awwissu.
Fl-aħħar snin l-Isptar Mater Dei dejjem qed ikompli jerfa’ piż li mhux jiflaħ għalih, dan hekk kif il-popolazzjoni qed tkompli tikber, bil-Gvern ta’ Robert Abela ma joffri l-ebda pjan sabiex titaffa din il-problema. Bil-konsegwenza, li qed ibgħatu mhux biss il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa imma b’mod speċjali l-pazjenti u l-familji tagħhom li dejjem jitammaw li jingħataw il-kura meħtieġa.
//= $special ?>