Lokali

Ħaddiem imut wara li ħa xokk f’Għajn Tuffieħa

Raġel ta’ 41 sena minn Ħaż-Żebbuġ tilef ħajtu traġikament wara li ħa xokk u waqa’ f’gandott f’Għajn Tuffieħa.

L-inċident seħħ għall-ħabta tan-12.30pm fi Triq il-Palma. Net News hu infurmat li r-raġel kien qed jagħmel xi xogħlijiet fit-triq.

Fil-post waslu kemm membri tal-Korp u anke uffiċjali tas-CPD li assistew fil-ħidma biex il-ħaddiem jittella’ mill-gandott.

Kelliem għall-Pulizija qalilna li r-raġel miet l-Isptar Mater Dei ftit tal-ħin wara li ttieħed b’ambulanza.

Il-Pulizija u l-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għaddejjin bl-investigazzjonijiet. Dan filwaqt li l-Maġistrat Joe Mifsud qed imexxi inkjesta.