Nicolai Mallia tal-Bowling u Matthew Galea Soler tal-Atletika huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ Lulju. Għażliet organizzati mill-Għaqda Ġurnalisti Sports.
Nicolai Mallia ta’ 15-il sena rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali tal-Bowling u sar l-iżgħar bowler li qatt rebaħ dan it-titlu. Huwa kellu sfida sal-aħħar minn Kayden Laganà, li rebaħ l-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar aktar kmieni din is-sena. Eventwalment Mallia qabeż lil Laganà u temm fl-ewwel post fejn kellu medja inkredibbli ta’ 263.6 fuq l-aħħar ħames logħbiet.
Matthew Galea Soler li għandu 19-il sena u li rebaħ dan l-unur f’Lulju tal-2022, kiser żewġ rekords nazzjonali fl-400 metru waqt l-edizzjoni tal-Universijadi organizzati mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Isport fl-Universitajiet FISU li saru f’Rhine-Ruhr, fil-Ġermanja. Huwa għamel records ta’ 46.82 sekonda u 46.63 sekonda, u sar l-ewwel atleta żagħżugħ Malti li wasal sas-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni.
Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u Kap Eżekuttiv ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sport kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.
