Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Pizzar wara li weġġa’ lill-kollega tiegħu

Dario D’Aparo, Taljan ta’ 35 sena residenti San Ġiljan u jaħdem bħala pizzar, ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li weġġa’ kollega tiegħu waqt argument fuq il-post tax-xogħol. Hu tressaq il-Qorti fid-8 ta’ Awwissu fejn inizjalment wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ feriti u theddid fil-konfront ta’ Taljan ieħor.

Mill-proċeduri quddiem il-Qorti ħareġ li D’Aparo u l-allegat vittma ġew f’argument waqt li kienu qed jaħdmu fuq il-preparazzjoni tal-pizza, argument li eskala f’ġlieda fiżika. Il-vittma tela’ fuq il-pedana tax-xhieda matul il-kumpilazzjoni u qal li kien ħafrilu, u dan wassal lil D’Aparo biex ibiddel il-pożizzjoni tiegħu u jammetti l-akkużi miġjuba kontrih.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, qieset li l-kondotta kriminali ta’ D’Aparo mhix ta’ allarm u li wera r-rimors tiegħu għall-inċident. Il-Qorti qalet li f’dan il-każ, piena ta’ ħabs effettiva ma kinitx xierqa u għalhekk iddeċidiet li tagħtih sentenza sospiża.

D’Aparo nstab ħati abbażi tal-ammissjoni tiegħu u ngħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn. Il-Qorti ma ħarġitx ordni ta’ trażżin fid-dawl tal-fatt li l-vittma stess ħafirlu. Il-każ kien immexxi mill-Avukat Giuliana Magro Conti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistita mill-Ispettur Warren Galea. L-akkużat kien assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Victor Bugeja.