Internazzjonali

Stati Uniti: Ikompli l-battibekk dwar Greenland

Il-battibekk tal-aħħar xhur bejn id-Danimarka u l-Istati Uniti jidher li ħrax fl-aħħar sigħat, fejn il-Ministru Daniż għall-Affarijiet Barranin bagħat għall-Ogħla Diplomatiku Amerikan f’Kopenhagen biex jagħtih spjegazzjoni dwar l-aħħar żviluppi relatati mas-sovranità ta’ Greenland – it-territorju awtonomu li dejjem kellu rabtiet mill-aktar sodi ma’ kwalunkwe Gvern Daniż.

It-tensjoni bejn Kopenhagen u Washington kienet xprunata minn rapport li numru ta’ ċittadini Amerikani, fil-preżent, qegħdin imexxu attivitajiet sigrieti fid-Danimarka.

Ix-xandar nazzjonali Daniż. DR, ikkwota sorsi biex iwassal messaġġ li l-attivisti Amerikani qed jaħdmu ħalli jinfiltraw is-soċjetà Daniża, bl-iskop li  jsibuha aktar faċli biex jippromwovu proċess fejn Greenland tinqata’ għal kollox mid-Danimarka u tispiċċa bħala territorju kontrollat mill-istati Uniti.

Id-dettalji, sadanittant, huma ftit… u  ħadd ma jaf min huma l-vera protagonisti wara l-allegata inizjattiva.

Madankollu, is-servizzi sigrieti Daniżi wissew li t-territoru ta’ Greenland ilu xhur mira għal diversi tipi ta’ kampanji biex jinfluwenzaw lir-residenti fit-territorju. Dan fost il-messaġġi li r-residenti jistgħu jħarsu lejn il-futur b’aktar fiduċja taħt il-protezzjoni tal-Istati Uniti.

Il-Ministru Daniż għall-Affarijiet Barranin, Lars Lokke Rasmussen, qal li pajjiżu mhux se jaċċetta din l-attività li għaddejja… filwaqt li kritika dak li fisser bħala attentati biex l-entitajiet barranin jindaħlu fl-affarijiet interni tad-Danimarka.

Kien propju dan il-messaġġ li Rasmussen wassal wiċċ imb wiċċ lix- charge d’affaires tal-Istati Uniti, fid-dawl tal-aħħar żviluppi.

Id-Danimarka hi membru tan-NATO u tal-Unjoni Ewreopea – U l-President Amerikan, Donald Trump, ilu jesprimi x-xewqa biex Greenland, ‘il quddiem, isir territorju estiż tal-Istati Unti. Dan waqt li l-Viċi President Amerikan, JD Vance akkuża lid-Daniżi b’nuqqas ta’ investiment fid-difiża ta’ Greenland.