Lokali Qorti

Żagħżugħ Pakistani jerġa’ jiġi mixli bi stupru fuq tfajla – din id-darba Kolumbjana f’Tas-Sliema

Ritratt mill-Arkivji

Quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo tressaq Humair Yaqoob, ta’ 25 sena mill-Pakistan, akkużat li bejn is-17 u t-18 ta’ Awwissu f’Tas-Sliema stupra tfajla Kolumbjana u ssekwestraha b’tali mod li ġiegħlha toqgħod għal atti li joffendu l-mistħija sesswali tagħha.

Iż-żagħżugħ kien diġa ġie akkużat bi stupru ieħor u atti sesswali fuq studenta li kienet Malta titgħallem l-Ingliż ta’ 15-il sena li kien iltaqa’ magħha f’Paceville fl-2022. Skont il-prosekuzzjoni fil-każ riċenti, l-allegata vittma, li taħdem bħala escort, kienet irrappurtat lill-Pulizija li kien hemm ftehim ta’ ħlas ta’ €200 bejnhom. Huma marru f’appartament fil-ħames sular ta’ binja li kienet għadha taħt kostruzzjoni.

Hi rrakkuntat li hemmhekk Yaqoob ipprova jifgaha, iżda hija gidmitu biex taħrab u f’dak il-mument waqgħilha l-mowbajl. Hija telqet tiġri u l-għada filgħodu marret għand il-Pulizija, fejn tat xi informazzjoni dwar fejn allegatament joqgħod l-akkużat.

Yaqoob ġie arrestat nhar it-Tnejn fil-5pm. Huwa ta verżjoni differenti tal-fatti, fejn sostna li kien hemm ftehim biex ikollhom x’jaqsmu sesswalment iżda hi mbagħad irrifjutat. Qal li f’dak il-ħin huwa ħadilha l-mowbajl u talabha l-flus bħala kundizzjoni biex ma jġiegħilhiex toqgħod għal att sesswali kontrija.

Minbarra l-akkużi ta’ stupru u sekwestru, Yaqoob ġie mixli wkoll li wettaq atti sesswali mingħajr il-kunsens tal-vittma, li kkaġunaha offiża ta’ natura ħafifa, li ħebb għaliha, li ġiegħla tagħmel affarijiet kontra l-volontà tagħha, li heddidha, li għamel użu ta’ apparat mhux xieraq u li kiser ordni tal-qorti peress li kien diġà ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor ta’ stupru li għandu miftuħ.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukati Cynthia Tomasuolo u Krista Spiteri Lucas mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Wayne Buhagiar u Joseph Mallia. Għall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit, li f’dan l-istadju m’għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest.

Dwar il-każ tal-2022 li għadu pendenti kien ħareġ li t-tfajla ta’ 15-il sena kienet iltaqgħet mal-akkużat f’bar f’Paceville, u sussegwentement akkumpanjatu f’post kwiet x’imkien bejn Pembroke u San Ġiljan. Hemmhekk, it-tnejn bdew ibusu lil xulxin, iżda f’ħin minnhom l-akkużat kien penetra lit-tfajla, allegatament kontra r-rieda tagħha.