Francois Micallef, raġel ta’ 41 sena, residenti Birkirkara ġie kundannat 16-il xahar ħabs wara li nstab ħati li seraq karozza f’Settembru 2022, u dan fil-kuntest ta’ storja kriminali li diġà kienet tinkludi diversi kundanni.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo qieset il-fatt li Micallef naqas ripetutament milli juri impenn ġenwin li jindirizza l-problemi tiegħu — partikolarment l-abbuż persistenti tad-droga. Huwa ma attendiex għal-laqgħat mal-uffiċjal tal-probation, ma pprovdiex kampjuni tal-urina kif mitlub.
Huwa wera wkoll nuqqas ta’ serjetà lejn l-obbligi tiegħu, minkejja li f’mumenti partikolari kien offrut għajnuna u trattament, inkluż suġġeriment biex jidħol Monte Carmeli, li huwa ċaħad. Il-progress li wera waqt li kien taħt arrest preventiv ma kienx sostenibbli u, kif spjegat mill-uffiċjal tal-probation, l-istess Micallef naqas milli jieħu l-benefiċċju mis-servizzi disponibbli.
Fid-dawl ta’ dan kollu, u skont l-Artikolu 21 tal-Kap. 446 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Qorti ddeċidiet li tħassar l-ordni ta’ probation u tikkundannah għar-reati li kien instab ħati tagħhom daqs li kieku għadu kemm ġie ddikjarat ħati, u għaldaqstant kkundanatu għal 16-il xahar priġunerija.
Skond l-Ordni ta’ Probation, Micallef, fost affarijiet oħra huwa kien ġie ordnat li matul dan il-perjodu huwa kellu jġib ruħu tajjeb u jgħaddi ħajja ta’ bżulija. Li joqgħod għad-direttivi kollha tal-uffiċjal tal-Probation li jistgħu jingħatawlu minn żmien għal żmien. Li jibqa’ f’kuntatt ma’ l-Uffiċjal tal-Probation skond l- istruzzjonijiet li jista’ minn żmien għal żmien jingħata mill-istess uffiċjal.
Kellu wkoll jattendi għal-laqgħat kollha li l-uffiċjal tal-probation jiffissa minn żmien għal żmien u jagħti lill-istess Uffiċjal kull informazzjoni li tiġi mitluba lilu. Li jagħti lill-Uffiċjal tal-Probation dawk il-urine samples li jista’ minn żmien għall-ieħor jiġi mitlub sabiex jiġu analizzati għall-prezenza o meno ta’ sustanzi illegali.
Ukoll li jirċievi żjarat ta’ l-istess uffiċjal tal-probation kemm fid-dar tiegħu kif ukoll. Xi ħaġa qalet il-Qorti li ma kien motivat li jagħmel. Fix-xhieda u fir-rapporti tiegħu l-Uffiċjal tal-Probation spjega li ilu jsegwi lil Micallef għal divesi snin u anke baqa’ jsegwieh wara li għamel iddenunzja preżenti fuq xewqa li wera Micallef stess.
Minn mindu saret iddenunzja l-Qorti akkordat diversi differimenti sabiex tisma’ lill-Uffiċjal tal-Probation dwar l-andament tiegħu bit-tama li jsir progress b’mod iżjed konsistenti. Madanakollu mill-aġir ta’ Micallef jidher ċar li huwa ma għandux ir-rieda u d-determinazzjoni li jibda u jsegwi pjan ta’ kura. Il-Probation officer jispjega kif meta huwa għamel id-denunzja Micallef kien qed jgħix still ta’ ħajja kaotika għall-aħħar.
Pożittiv għal kokaina u eroina u baqa’ njora struzzjonijiet biex jistabilizza ħajtu
Huwa kien qed jirriżulta posittiv għal kokaina u għall-eroina. Di piu’ ma kienx qed isegwi l-istruzzjonijiet mgħotija lilu sabiex jibda jistabilizza ħajtu bil-għan li jkun jistgħa jsegwi pjan ta’ kura. Fil-fatt jidher li ġie suġġeriet lilu mill-Probation Officer li jidħol l-isptar Mount Carmel madankollu ma qagħadx għal din id-direttiva.
Jidher ukoll, dejjem mingħajr preġudizzju għall-prezunzjoni ta’ l-innoċenza, li f’dan il-perjodu kien tressaq il-Qorti fuq akkużi oħra u għamel perjodu taħt arrest preventiv. F’dan il-perjodu fejn huwa kien qed
jinżamm taħt arrest preventiv jirriżulta li huwa beda jagħmel progress.
Beda jikkomunika mal-professjonisti u beda l-pjan ta’ kura. Hekk kif ħareġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fuq ħelsien mill-arrest, għal ftit żmien jidher li kien sab livell ta’ stabilità. Beda jaħdem ma’ membru tal-familja (għalkemm l-impjieg ma kienx wieħed regolarizzat) u anke beda l-kuntatt ma l-Aġenżiji
sabiex ikompli bil-pjan ta’ kura tiegħu mill-vizzju tad-droga.
Madanakollu dan il-progress ma kienx wieħed konsistenti u fit-tul. Fil-fatt mix-xhieda tal-Probation Officer mgħotija fi Frar tas-sena 2024 jirriżulta li huwa ntalab mill-istess Probation Officer iħalli kampjuni tal-urina madanakollu huwa baqa’ ma provdiex dawn bi ksur ukoll ta’ l-Ordni ta’ Probation.
In oltre, mix-xhieda tal-probation officer b’referenza għax-xhur sussegwenti jirriżulta Micallef ma kienx konsistenti fl-attendenza tiegħu għal-laqgħat iffissati mill-Probation Officer fejn kien hemm diversi appuntamenti li ma attendiex għalihom u oħrajn li għakemm attenda għalihom, attenda għalihom tard, xi drabi anke siegħa tard, bil-konsegwenza li l-kuntatt mal-Probation Officer ma kienx dak desiderabbli sabiex l-istess Probation Officer ikun jistgħa jagħmel xogħlu kif suppost.
Din is-sitwazzjoni baqgħet tippersisti sa l-aħħar xhieda mgħotija mill-Probation Officer. B’referenza għal-kampjuni tal-urina, għal kull bon fini jingħad li huwa kien spjega lil probation officer li ma jistgħax iħalli kampjuni tal-urina għar-raġunijiet mediċi madanakollu huwa qatt ma provda ċertifikat mediku in
sostenn ta’ dan la lil Probation Officer u lanqas lil din il-Qorti.
Il-Qorti qalet li qed tosserva li kien hemm diversi istanzi fejn huwa rrillaxa kampjun tal-urina minħajr diffikulta ta’ xejn. Għaldaqstant fil-fehma ta’ din il-Qorti il-fatt li għar-raġunijiet tiegħu (li din il-Qorti ma hijiex se tispekula dwarhom anke l-għaliex huma ovvji) ma provdiex kampjun tal-urina dan ma kienx
attribwibli għal raġunijiet mediċi iżda għal deċiżjoni konxja tiegħu li fl-aħħar mill-aħħar, waħedha, tikkostitwixxi ksur ta’ l-ordni tal-probation.
L-ebda sens ta’ motivazzjoni
Konsegwentament, b’dan l-andament, jirriżulta ben ċar li Micallef ma għandu l-ebda sens ta’ motivazzjoni u determinazzjoni li jibda jindirizza b’mod determinanti l-problemi f’ħajtu partikolarment il-problema tal-konsum tad-droga.
Agħar minn hekk, għalkemm huwa kellu ad-disposizzjoni tiegħu diversi servizzi u sistemi ta’ sapport huwa għażel li ma jieħux benefiċċju minnhom u dan minkejja li l-Qorti (diversament ippreseduta) kienet wissietu dwar il-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas mal-għoti tas-sentenza.
Il-Qorti ħadet kont ta’ dak li jistipula l-artikolu 278(3) tal-Kodiċi Kriminali fid-dawl ta’ dak li jistipulaw l-artikoli 20 u 31 tal-Kodiċi Kriminali. Ħadet kont ukoll tan-natura ta’ l-akkuża li tagħhom qed jiġi kkundanat kif ukoll tas-social inquiry report li kien redatt fil-konfront tiegħu u tal-fedina penali fejn jidher li kellu diversi kundanni relatati ma’ serq.
Finalment il-Qorti qieset ukoll l-opportunitajiet kollha li ġew mgħotija lil Micallef sabiex jirriabilità ruħu u li
minkejja s-servizzi kollha a disposizzjoni tiegħu huwa naqas milli jagħmel dan ripetutament. Wara li tqis li ġie pruvat għassodisfazzjoni tagħha li Francois Micallef kiser il-kundizzjonijiet tal-Ordni ta’ Probation mgħotija fit-3 ta’ Marzu 2023 b’mod ripetut.
Il-Qorti qalet li qed titratta miegħu għar-reati li tagħhom instab ħati fit-3 ta’ Marzu 2023 daqs li kieku għadu kemm ġie ddikjarat ħati u filwaqt li għal kull bon fini qed tikkonferma s-sejbien ta’ ħtija kif jirriżulta minn dik l-imsemmija sentenza. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ritienne Gauci.
//= $special ?>